Lokali

Bl-inawgurazzjoni tal-interconnector se toħroġ id-differenza bejn min iwiegħed u min iwettaq

Bl-inawgurazzjoni tal-interconnector se toħroġ id-differenza bejn min iwiegħed u min iwettaq. L-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett tikxef l-ingann ta’ Joseph Muscat li jinsab mehdi jaqta’ ż-żigarelli ta’ proġetti li għamel Gvern Nazzjonalista.

Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-PN Simon Busuttil meta kien qed jindirizza attività politika f’San Ġiljan bit-tema ‘Nagħmlu d-Differenza’.

Matul id-diskors tiegħu Simon Busuttil elenka għadd ta’ każijiet li jikxfu l-ingann tal-Gvern Laburista. Fost dawn il-wegħda tal-powerstation li kellha titlesta fi żmien sentejn iżda li għadha lanqas biss bdiet tinbena. Simon Busuttil fakkar ukoll fl-ingann tal-Gvern Laburista li, wara li sejjaħ il-powerstation tal-BWSC bħala “fabbrika tal-kanċer”, issa biegħha liċ-Ċiniżi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sejjaħ bħala ingann ukoll il-wegħda tal-investiment li tħabbar fil-qasam tas-saħħa – investiment li se jħalli biss għaxar sodod għall-Għawdxin. L-istess kif kienet ingann l-istqarrija tal-Gvern li tkellmet dwar “warning shots fl-arja” meta fil-fatt il-każ kien ta’ sparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia.

Dwar Manuel Mallia, il-Kap tal-PN qal li dan reġa’ deher fl-aħħar jiem u għammed lilu nnifsu bħala “suldat tal-azzar” – l-istess kif kien tgħammed bħala suldat tal-azzar Cyrus Engerer is-sena li għaddiet minkejja li kellu kundanna ta’ reat kriminali. Simon Busuttil tkellem dwar l-isforzi li qed isiru biex George Vella jitwarrab minn Ministru għall-Affarijiet Barranin biex minfloku jilħaq Manuel Mallia.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-ħabi mill-Gvern Laburista kif jixhed il-mod kif il-Gvern ħeba mill-poplu 11-il kuntratt li l-Oppożizzjoni tat id-dettalji tagħhom iktar kmieni matul il-jum.

“L-Oppożizzjoni saret iktar trasparenti mill-Gvern innifsu” sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni li elenka wkoll il-mistoqsijiet li hemm dwar kemm il-poplu se jkun qed iħallas biex jixtri l-eletrriku u jekk hux se jkun hemm xi charges oħrajn.

“Dan huwa Gvern li huwa ikkaratterizzat minn nuqqas ta’ accountability, nuqqas ta’ trasparenza u nuqqas ta’ meritokrazija” saħaq Simon Busuttil.

B’referenza lejn il-kunsilli lokali, Simon Busuttil tkellem dwar l-għażla li mistenni jagħmel il-poplu Malti f’dawn l-elezzjonijiet u qal li meta jagħmel din l-għażla l-poplu jrid jistaqsi “Min hu l-partit li bil-kunsilliera tiegħu hu l-aħjar biex imexxi l-lokalità tiegħi?”

Il-Kap tal-PN qal li huwa jistenna l-ogħla standards mill-kandidati tal-PN u li dawn għandhom jagħmlu d-differenza. Huwa qal li jistenna li l-PN jikseb l-aħjar vot possibbli f’dawn l-elezzjonijiet. “Issa huwa l-mument li kull Nazzjonalist għandu jkun hemm għall-Partit Nazzjonalista” temm jgħid il-Kap tal-PN.