L-eks-Sindku tal-belt Ċiniża ta’ Nanjing, Ji Jianye, weħel 15-il sena ħabs fuq korruzzjoni.Dan wara li l-qorti ta’ Yantai sabet lil Ji ħati li aċċetta l-ekwivalenti ta’ 1.2 miljun lira Sterlina f’tixħim bejn l-1999 u l-2013; is-sena meta hu kien tkeċċa mill-kariga.
Bħala Sindku, Ji kien imlaqqam ‘il-bulldozer’ minħabba l-impenn u l-ħerqa enormi tiegħu rigward il-proġetti tal-kostruzzjoni u għall-iżvilupp fl-inħawi ta’ Nanjing. Ji hu l-aħħar uffiċjal ta’ profil għoli li spiċċa l-ħabs fil-kampanji li qed imexxi l-President taċ-Ċina, Xi Jinping, kontra l-korruzzjoni.
Il-qorti qalet fi stqarrija li s-sentenza fil-konfront ta’ Ji kienet pjuttost ‘ħanina’ wara li l-imputat ammetta l-ħtija u wera li kien iddispjaċieh għall-aġir tiegħu.
Ji kien assuma r-rwol ta’ Sindku (kariga importanti u influwenti) fl-2010. Il-belt ta’ Nanjing hi l-kapitali tal-provinċja ta’ Jiangsu u hu mifhum li hemm jgħixu madwar seba’ miljun persuna.
Il-qorti semgħet li Ji Jianye kien aċċetta ammonti kbar ta’ flus u rigali mingħand diversi persuni u kumpaniji influwenti – fosthom il-kumpanija inkarigati mill-proġetti tal-kostruzzjoni – bl-iskop li huma jgawdu minn ftehim u kuntratti favorevoli.
Il-President Xi Jingping wissa li l-għadab tal-pubbliku dwar il-korruzzjoni qed jhedded il-futur tal-Partit Komunista fil-Gvern. Hu wiegħed li għandu jippersisti biex jaqbad lill-uffiċjali kollha tal-amministrazzjoni – mill-kbir saż-żgħir – li jaċċettaw it-tixħim jew li jiċċappsu b’forom oħra ta’ korruzzjoni.
//= $special ?>