It-tieni l-ikbar belt tal-Bulgarija, Plovdiv, iddeċidiet li dawk li jridu jdoqqu fit-triq prinċipali tagħha jridu juru li għandhom il-kwalifiċi meħtieġa.
Skont it-televiżjoni tal-istat il-belt, li se tkun il-Belt Kulturali Ewropea fl-2019 wara Malta, qed timxi fuq il-passi ta’ bliet oħra bħal Madrid li sentejn ilu daħħlu proċedura ta’ awdizzjonijiet għal dawk li jridu jagħmlu xogħol ta’ buskers, jew idoqqu fit-triq.
Il-kunsill ta’ Plovdiv qasam il-belt fi tliet partijiet u ddeċieda li t-triq prinċipali tal-ħwienet u ċ-ċentru storiku tal-belt se jkunu miftuħa biss għal mużiċisti kkwalifikati. Żona oħra se tkun għal mużiċisti mingħajr kwalifiċi formali imma li ħadu sehem f’attivitajiet mużikali jew f’kompetizzjonijiet. Dawk li ma jaqgħu taħt l-ebda kategorija jridu jsibu x’imkien ieħor.
Skont kelliem għall-kunsill, Plovdiv trid tara li l-mużiċisti huma tajbin biżżejjed biex jagħtu divertiment lit-turisti u lill-Bulgari stess. Plovdiv intagħżlet bħala Kapitali Kulturali Ewropea f’Settembru li għadda u rnexxielha tegħleb tliet sfidanti oħra fosthom l-istess kapitali Bulgara, Sofia.
//= $special ?>