Internazzjonali Kurżitajiet

Furious 7 itellaq mal-iktar films b’suċċess immedjat

Il-film tal-azzjoni Furious 7 daħħal iktar minn $384 miljun mill-box office madwar id-dinja fl-ewwel tmiem il-ġimgħa minn meta beda jintwera fiċ-ċinema. Kważi nofshom, $190 miljun, daħlu mill-bejgħ tal-biljetti mis-swali taċ-ċinema fl-Istati Uniti weħidhom.

Furious 7 hu diġà meqjus fost l-aqwa erba’ films li bdew b’saħħa fis-swali taċ-ċinema. Jaqbżuh biss żewġ films ta’ Harry Potter u The Avengers.

Parti mill-interess fil-film hi probabbli l-fatt li fih jieħu sehem Paul Walker, l-attur li miet f’inċident tat-traffiku qabel spiċċa jinġibed il-film fl-2013. Wara l-inċident fatali, il-produtturi waqqfu x-xogħol fuq il-ġbid tal-film sakemm iddeċidew x’kellhom jagħmlu. It-tim tal-produzzjoni fl-aħħar iddeċieda li jkompli għaddej bix-xogħol u li l-film jittardjah bi ftit mid-data oriġinali li fih kellu jinħareġ, jiġifieri minn Lulju tal-2014.

Ċerti xeni wara l-mewt ta’ Walker spiċċaw inħadmu b’animazzjoni imma wkoll bis-sehem taż-żewġ aħwa ta’ Paul Walker, Caleb u Cody, li f’mumenti partikolari ħadu postu biex il-ġbid tal-film seta’ jkompli.

L-ewwel edizzjoni ta’ dan il-film, The Fast and the Furious, kienet inħarġet fl-2001. Is-suċċess kien diskret u l-film kien daħħal mal-$207 miljun. It-tielet edizzjoni tal-film, li kienet ħarġet fl-2006, kienet l-agħar waħda fejn jidħol il-box office tant li ħafna kienu ħasbu li s-serje kienet se tieqaf hemm.

Imma l-produtturi rnexxielhom jerġgħu jħajru lil Vin Diesel, mill-kast oriġinali, biex jirritorna għal edizzjoni oħra u Fast & Furious irdoppja d-dħul. Minn hemm, il-film kiber kemm fejn jidħol baġit kif ukoll fid-dħul li rnexxielu jdaħħal.