Il-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco iffoka d-diskors tiegħu waqt l-attività politika f’San Ġiljan fuq il-proġetti li kienu mħabbra mill-Gvern Laburista matul il-kampanja elettorali.
Huwa fakkar dwar il-wegħda tal-bini ta’ powerstation ġdida li kellha tinbena fi żmien sentejn u li kellha twassal għar-roħs fil-prezz tad-dawl. B’referenza għall-proġett tal-interconnector, Mario de Marco qal li jittama li, meta l-Gvern Laburista jniedi dan il-proġett, ikollu d-diċenza jgħid li dan il-proġett, imniedi minn Gvern Nazzjonalista, se jwassal għal roħs fil-kontijiet tad-dawl.
Mario de Marco qal li wieħed kien jittama li, wara l-każ tal-powerstation, Gvern Laburista joqgħod iktar attent meta jħabbar proġetti. Iżda t-tħabbir tal-investiment fil-qasam tas-saħħa kien xhieda li dan ma kienx il-każ minħabba li dan l-investiment ġab miegħu għadd ta’ mistoqsijiet li għadhom mhumiex imwieġba.
B’referenza lejn il-qasam tal-ekeonomija, Mario de Marco fakkar li filwaqt li l-ekonomija qed tikber, qed jikber ukoll id-dejn nazzjonali meta l-Gvern ma għandu xejn x’juri dwar dan id-dejn għajr ix-xiri tal-Cafe Premier.
Dan kollu qed iwassal lil poplu Malti biex jaspira lejn politika iktar nadifa li ma tkunx ikkaratterizzata minn ħabi u ingann, temm jgħid il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>