Lokali

Il-ħaddiema tal-HSBC jestendu l-azzjonijiet anke’ għal għada

Il-ħaddiema tal-HSBC ħadu vot qawwi favur l-estensjoni tal-azzjonijiet industrijali, li jfisser li mhux se jidħlu għax-xogħol lanqas għada, l-Erbgħa.

Dan l-iżilupp wasal ftit tal-ħin ilu malli ntemmet laqgħa organizzata mill-MUBE, il-union li tirrappreżentahhom, biex ikunu nfurmati dwar l-iżviluppi fil-kwistjoni bejn il-union u l-bank.

Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll membri tal-General Workers’ Union, li wkoll għandha rappreżentanza tal-ħaddiema fl-HSBC.

Fi tmiem din il-laqgħa, il-MUBE talbet vot lill-membri tagħha biex ikunu huma stess li jiddeċiedu jekk iridux li jkomplu bl-azzjonijiet industrijali.

Matul il-laqgħa saħansitra ssemmiet il-possibilta’ li fil-jiem li ġejjin issir manifestazzjoni pubblika fil-Belt Valletta jekk l-affarijiet jibgħu ma jinbidlux.

Il-MUBE wettqet sensiela ta’ azzjonijiet industrijali, li matul il-ġurnata ta’ llum saħansitra eskalaw b’ordni biex il-ħaddiema ma jirrapurtawx għax-xogħol. Dan għaliex il-MUBE qed takkuża lill-management tal-Bank HSBC li qed ikaxkar saqajh apposta dwar il-ftehim kollettiv tal-ħaddiema.

F’ċirkolari lill-ħaddiema membri fl-HSBC, il-MUBE qalet li l-fatt li għadu ma ntlaħaqx ftehim hu kollu tort tal-management tal-bank HSBC li baqa’ intransiġenti u apposta ma ressaqx kontroproposti raġjonevoli sabiex l-affarijiet ikomplu jkarkru.

Il-MUBE fl-aħħar jiem saħansitra akkużat lill-HSBC li heddet lil impjegati tagħha b’Lock-Out, minflok offriet proposti konkreti.