Il-manuskritt oriġinali tal-kanzunetta ‘American Pie’ ta’ Don McLean inbiegħ għal $1.2 miljuni waqt irkant fil-belt ta’ New York.
Id-‘draft’ ta’ 16 il-paġna kien mistenni jwassal għall-offerti ta’ aktar minn miljun dollaru waqt l-irkant ta’ Christie’s u wara li McLean, fi Frar, kien indika li l-manuskritt oriġinali kellu jiżvela l-vera tifsira tal-kanzunetta li ilha misteru għal snin.
‘American Pie’ hi kanzunetta ta’ tmien minuti li, fl-1972, damet erbgħa ġimgħat fil-quċċata tal-klassifika tal-‘hits’ fl-Istati Uniti, minbarra li telgħet fit-tieni post taċ-‘charts’ fir-Renju Unit.
Don McLean, kantant u kompożitur Amerikan, kien ‘ammetta’ li l-bidu ta’ ‘American Pie’ jitratta l-mewt tal-kantanti tar-Rock ‘n Roll, Buddy Holly, Ritchie Valens u l-Big Bopper f’inċident bl-ajruplan li kien seħħ fl-1959. Madankollu, hu dejjem żamm lura milli jiżvela ‘l-vera idea’ wara l-kumplament tal-kanzunetta.
Il-misteru, intant, aċċerta li ‘American Pie’ kellha tibqa’ fost l-aktar kanzunetti fl-istorja tal-mużika li qatt qanqlu dibattitu rigward xi suġġett jew messaġġ ambigwu.
//= $special ?>

