Internazzjonali

Is-SOCAR naqqset il-produzzjoni tal-gass

Il-kumpanija taż-żejt tal-istat tal-Ażerbajġan, SOCAR, naqqset il-produzzjoni tal-gass għal Jannar u Frar, fi prattika li qed tkun riflessa tul il-pajjiż.

Is-SOCAR qalet li mill-1 ta’ Marzu li għadda, ipproduċiet mal-1.089 biljun metru kubu ta’ gass li hu 17.2 fil-mija anqas mill-produzzjoni għall-istess perijodu matul is-sena li għaddiet.

F’Jannar, l-estrazzjoni tal-gass kienet tammonta għal 570.2 miljun metru kubu, waqt li ċ-ċifra għal Frar kienet ta’ 519.1-il miljun metru kubu.

Skont il-kelliema għas-SOCAR, il-produzzjoni tal-gass għal Jannar u Frar li għadda ammontat għal 4.826 biljun metru kubu – jiġifieri mal-5.1 fil-mija anqas minn tal-istess perjodu, fl-2014, meta l-produzzjoni kienet ta’ 5.08 biljun metru kubu.

Matul is-sena li għaddiet, il-kumpanija SOCAR ipproduċiet mas-7.245 biljun metru kubu ta’ gass, jiġifieri 0.5 fil-mija aktar fil-konfront tal-indiċi għall-2013 (7.209 biljun metru kubu). Il-massimu għall-2014 kien irreġistrat f’Jannar (b’691.5 miljun metru kubu) u f’Diċembru, il-produzzjoni tal-gass tas-SOCAR kienet ekwivalenti biss għal 595.3 miljun metru kubu.

Tul l-aħħar sena, il-produzzjoni tal-gass mill-Azerbajġan – dejjem skont is-SOCAR – kienet tammonta għal 29.807 biljun metru kubu, li jfisser 11.9 fil-mija anqas mill-produzzjoni għall-2013 (bi 33.8 biljun metru kubu).