Internazzjonali

Jikkontrollaw in-nirien wara splużjoni f’impjant tal-kimika

Splużjoni kbira li seħħet f’impjant tal-kimika f’Zhangzhou, fil-provinċja Ċiniża ta’ Fujian, ikkaġunat nirien sostanzjali, u l-uffiċjali qalu li numru ta’ midruba ttieħdu l-isptar għall-kura.

L-awtoritajiet f’Zhangzhou, maż-żmien, qalu li rnexxielhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni wara li marru fuq il-post mijiet ta’ membri mal-iskwadri għall-emerġenzi, minbarra għexieren ta’ inġenji għat-tifi tan-nar.

L-impjant jipproduċi l-kimika magħrufa bħala paraxylene, fi proċess li ħafna osservaturi – fiċ-Ċina u barra l-pajjiż – jemmnu li jikkaġuna t-tniġġis tal-ajru bir-riperkussjonijiet negattivi kollha assoċjati miegħu. Il-paraxylene (PX) hi kimika li tieħu n-nar malajr u tintuża fl-ipproċessar tal-plastik u l-polyester.

Il-bini tal-impjanti tal-paraxylene qajjem diversi protesti, fosthom id-dimostrazzjonijiet vjolenti li seħħew is-sena l-oħra fil-provinċja ta’ Guangdong.

Fl-istess ħin, marru f’Zhangzhou l-esperti għall-ħarsien u l-kontroll tal-ambjent li għamlu l-analiżi meħtieġa għall-possibbiltà li l-ilma jew il-madwar setgħu spiċċaw kontaminati.

Din kienet it-tieni splużjoni f’sentejn fl-impjant ta’ Zhangzhou, li s-sidien tiegħu huma Dragon Aromatics – wieħed mill-akbar produtturi indipendenti tal-PX fiċ-Ċina.

Hu minnu wkoll li filwaqt li l-protesti jibqgħu rari fiċ-Ċina (fejn hu illegali li xi ħadd jipprotesta mingħajr permess), qegħdin jikbru l-kampanji favur il-ħarsien tal-ambjent.