Internazzjonali

Qatel lil martu b’mannara fl-età ta’ 100 sena

L-awtoritajiet fl-Istat Amerikan ta’ New Jersey qed jaħsbu li raġel li kellu 100 sena spiċċa joqtol lil martu b’mannara fid-dar tagħhom, qabel ikkommetta suwiċidju.

Hu mifhum li l-mara, li kellha 88 sena, inqatlet bid-daqqiet tal-mannara waqt li kienet rieqda. L-awtoritajiet sostnew li hi u żewġha, Michael Juskin, kellhom storja twila ta’ problemi domestiċi.

Intant, ħadd ma jaf eżatt x’wassal għad-delitt u s-suwiċidju, fl-inħawi ta’ Elmwood Park, u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Il-ġirien tal-koppja qalu li ta’ spiss kienu jaraw lill-anzjani mexjin barra jew fil-ġnien tad-dar. Huma anki fissru lil Juskin u lil martu bħala nies tal-affari tagħhom li kienu dejjem fil-kumpanija ta’ xulxin.