Internazzjonali

Sfidant ieħor għall-Presidenza tal-Istati Uniti

Rand Paul, Senatur minn Kentucky, ħabbar li dieħel għall-kampanja biex jikkontesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti, għan-nom tal-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni.

F’messaġġ fuq il-websajt Paul qal li qed jikkontesta fuq il-prinċipji tal-libertà u Gvern limitat, u fejn, issa, sar it-tieni Repubblikan – wara s-Senatur Ted Cruz – li kkonferma l-kandidatura għall-elezzjoni presidenzjali li tintemm f’Novembru tal-2016.

Paul kien elett għall-ewwel darba meta ggwadanja mill-popolarità tal-moviment politiku bl-isem Tea Party biex jikseb post fis-Senat tal-Istati Uniti, fl-2010. Intant, dan il-kandidat kien ukoll xewka għal sħabu r-Repubblikani meta sfidahom kemm-il darba fuq kwistjonijiet dwar is-sistemi tas-sorveljanza tal-Gvern u s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti fuq l-Iran u Kuba.