Lokali

Xogħol f’art privata fix-Xagħra Għawdex minn ħaddiema tal-Gvern

Dan is-sit qed ikompli jiżvela aktar każi ta’ abbużi li saru minn ħaddiema tal-Gvern li tqabbdu jagħmlu xogħlijiet privati f’Għawdex. Illum ninsabu f’pożizzjoni li niżvelaw kif is-sena l-oħra, tliet ħaddiema tal-Gvern marru jaghmlu xoghol ta’ tikħil f’dar privata fix-Xagħra, fiz-zona li minn Triq il-Knisja twassal lejn il-pjazzetta Tas-Sruġ.

Id-dar hija residenza ta’ persuna magħrufa sew għar-rabtiet tiegħha mal-Partit Laburista, u x-xogħol kollu ta’ tikhil sar matul il-jum.

Barra minn hekk, jeżisti każ ieħor ta’ xogħlijiet li saru f’passaġġi fir-raba’ fejn sar konkos mill-Kunsill Laburista tax-Xagħra f’art privata fil-Wied tal-Għeżien. Dan ix-xogħol sewa 38,000 ewro.

Dawn il-każi jiżdiedu ma’ dawk zvelati minn dan l-istazzjon dwar xogħlijiet li saru minn ħaddiema tal-Ministeru t’Għawdex f’għelieqi privati fil-limiti tal-Għasri u l-każ li seħħ matul is-Sajf li għadda, meta ħaddiema tal-Gvern intbagħtu jaħdmu f’kamra privata, proprjetà ta’ canvasser ewlieni tal-Ministru Anton Refalo, liema kamra tinsab fix-Xatt l-Aħmar f’Għajnsielem.