Lokali

Analiżi tal-paġni prinċipali tal-ġurnali

Il-ġurnal L-Orizzont jagħti prominenza lil editorjal imħejji minn Josef Caruana u li jtenni bl-aktar mod ċar l-appoġġ tal-ġurnal għal vot “Iva” għall-kaċċa fir-Rebbiegħa. Dan wara li fl-aħħar jiem, l-eks-editur tal-ġurnal, Sandro Mangion, li l-pożizzjoni tiegħu kontra l-kaċċa fir-Rebbiegħa kienet waħda kontroversjali, spiċċa temm il-ħidma tiegħu fil-kariga editorjali.

L-istess ġurnal jitkellem ukoll dwar rapport tal-Bord tal-Inkjesta dwar irregolaritajiet fis-sistema tal-ismart cards għall-istudenti Maltin.

Il-ġurnal The Malta Today jagħti prominenza lil kuntratti ippublikati mill-Oppożizzjoni u li juru li l-Gvern għadda art pubblika fil-Marsa lil kumpanija Enemalta, qabel ma sar ftehim tax-xiri tal-assi tal-kumpanija lil kumpanija Ċiniża Shanghai Electric. L-istess ġurnal jagħti prijorita’ wkoll lil pożizzjoni tal-kampanja SHout kontra l-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Il-ġurnal The Malta Independent ta prominenza lil aħbar żvelata mill-Oppożizzjoni dwar it-trasferiment tal-art pubblika tal-Gvern fil-Marsa lil Enemalta plc, qabel l-iffirmar tal-ftehim mal-kumpanija Ċiniża. L-istess ġurnal jitkellem ukoll dwar il-fatt li l-attivisti fil-kampanja elettorali dwar ir-Referendum fuq il-Kaċċa fir-Rebbiegħa se jingħataw it-tieni post wara l-uffiċjali tal-PN u l-PL fl-iskrutinju tal-proċess tal-għadd tal-voti.

Intant, il-ġurnal The Times of Malta jitkellem dwar sussidju li l-Gvern se jkun qed jagħti lid-distributuri tal-gass talli jżuru postijiet u residenzi li mhux fl-interess kummerċjali tagħhom li jżuru. U dan se jsir fuq medda ta’ 15-il sena.

U l-ġurnal In-Nazzjon jitkellem dwar il-pożizzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil b’rabta mal-inawgurazzjoni li l-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jagħmel mat-tlestija tal-proġett tal-interconnector. Dan juri li l-Partit Nazzjonalista jwiegħed dak li jwettaq u mhux jinganna ‘l elettorat, tenna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fil-paġna ta’ wara tal-ġurnal In-Nazzjon tingħata prominenza assoluta lil 11-il kuntratt li ġew pubblikati bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista, b’rabta mat-trasferiment ta’ art pubblika lil Enemalta plc qabel ma kien iffirmat il-ftehim mal-kumpanija Shanghai Electric, li xtrat terz tal-ishma tal-kumpanija Enemalta. U dan kollu bil-moħbi tal-Parlament, wara li f’Awwissu għadda Avviż Legali li neħħa l-bżonn li trasferimenti ta’ art pubblika tgħaddi mill-Parlament.