Internazzjonali

FILMAT: Fl-Awstralja tfajjel awtistiku salvat wara erbat ijiem mitluf

Uffiċjali fl-Awstralja qed jiddeskrivuh bħala xejn anqas minn miraklu s-salvataġġ ta’ tfajjel awtistiku ta’ 11-il sena li dam erbat ijiem mitluf fl-inħawi ta’ Lake Eildon, wara li tbiegħed mill-familja tiegħu li kienet camping.
Il-ħaddiema ta’ salvataġġ kienu qed jibżgħu li l-ġrajja kien se jkollha tmiem differenti imma t-Tlieta, ħelikopter tal-Pulizija lemħu u t-tifel kien salvat. Apparti l-effetti tal-kesħa u n-nuqqas ta’ ilma, Luke Shambrook kien f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba.
Il-ġrajja ddominat l-aħbarijiet fil-festa tal-Għid fl-Awstralja u tant marru voluntiera biex jgħinu li l-Pulizija kellha tibda tibgħathom lura. Imma minkejja dan, ma kien hemm ebda ħjiel x’ġara mit-tifel u bdiet ukoll tfittxija fl-ilmijiet ta’ xmara fil-qrib. Iżda hu nstab madwar tliet kilometri bogħod mill-post fejn il-familja kienet camping.
Il-post fejn instab hu mimli ħaxix għoli u apparti xita f’dawn l-aħħar ġranet, kien hemm ukoll temperaturi ta’ tliet gradi Celsius. Il-ġenituri tiegħu qalu li peress li hu ma tantx jitkellem, aktarx qatt mhu se jkun magħruf dak li għadda minnu Luke.

AKTAR F’NET NEWS ILLEJLA