Pulizija minn South Carolina kien arrestat u akkużat bi qtil wara li feġġ filmat tiegħu jispara u joqtol raġel iswed li ma kienx armat. Dan il-każ mistenni jkompli jżid ir-rabja fl-Istati Uniti wara sensiela ta’ każi simili ta’ qtil minn pulizija bojod.
Il-pulizija, Michael Slager, fil-filmat jidher jispara lejn Walter Lamer Scott hekk kif kien se jaħrab u wara li jintlaqat minn diversi tiri, Slager jorbotlu idu bil-manetti.
Scott twaqqaf għax kellu fanal tal-karozza miksur u hekk kif ħareġ mill-karozza, ipprova jaħrab. Qraba tal-vittma qalu li l-unika problema li kellu mal-qrati kienet meta ma ħallasx il-manteniment fil-ħin.
Keith Summey, is-Sindku ta’ North Charleston, fejn seħħ il-qtil, qal li meta wieħed ikun żbaljat, ikun żbaljat, kemm jekk hu pulizija, kif ukoll jekk ikun ċittadin komuni, u jrid iħallas ta’ għemilu.
Il-pulizija fl-Istati Uniti bħalissa jinsabu taħt il-lenti minħabba każi simili tul dawn l-aħħar xhur.
FL-ISTATI UNITI: Qtil ieħor ta’ raġel iswed minn Pulizija
