Il-Gvern Laburista se jkun qed jinawgura proġett ieħor li welled il-Partit Nazzjonalista. Dak tal-Interconnector, proġett li hu eżempju konkret tad-differenza li kapaċi jagħmel il-Partit Nazzjonalista.
Sostniet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet, Marthese Portelli, ix-Shadow Minister għall-enerġija u t-Trasport. Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, l-Artijiet u l-Ippjanar, Ryan Callus.
Marthese Portelli qalet li l-proġett tal-interconnector tant hu importanti li l-Prim Ministru Joseph Muscat se jġib lill-Prim Ministru Taljan Matteo Reni biex jinawgura l-proġett.
Marthese Portelli kompliet tispjega kif f’għeluq is-sentejn il-Gvern Laburista minflok inawgura l-pjan tiegħu tal-enerġija se jinawgura dak tal-Partit Nazzjonalista.
Fi kliem ieħor sostniet ix-shadow minister għall-enerġija, ir-riżultati qed ikunu akkwistati grazzi għall-viżjoni li kellu l-Partit Nazzjonalista fejn tidħol l-enerġija.
Marthese Portelli fakkret kif qabel l-elezzjoni ġenerali l-Partit Laburista pprova jirredikola l-proġett tal-interconnector.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista staqsew għaliex il-Gvern intrabat li jixtri l-elettriku bil-prezz ta’ 9.6ċ mingħand l-Electrogas, f’kuntratt għal minimu ta’ 18-il sena, meta jista’ jixtri elettriku bi prez ferm anqas u mingħajr il-bżonn tal-bini ta’ power station ġdida.
Minn naħa tiegħu Ryan Callus rrefera għall-11-il kuntratt li żvelat l-Oppożizzjoni u li juru biċ-ċar kif jaħdem il-Gvern ta’ Muscat. Ryan Callus fakkar fil-kuntratt tal-Electrogas li l-Gvern għadu jinsisti li jaħbi, fakkar fil-mod kif ġiet trasferita l-art lill-Enemalta mingħajr ma sar skrutinju.
Marthese Portelli u Ryan Callus temmew jgħidu kif il-Gvern qed jispiċċa biex anke jitratta lin-negozjant Malti bħala tat-tieni klassi. Dan fir-rigward tal-art li għaddiet għall-użu tal-pannelli fotovoltajiċi mill-Gvern Ċiniż bir-rata ta’ 50ċ għal kull metru kwadru meta n-negozjant Malti qed jintalab iħallas €3.35ċ.
//= $special ?>