Lokali

Il-GWU tiddiżassoċja ruħha minn Editorjali tal-ġurnal tagħha stess

Fi stqarrija, il-GWU ħeġġet lill-imsieħba tagħha biex is-Sibt jeżerċitaw id-dritt tal-vot u jesprimu b’mod ħieles u mingħajr indħil il-fehma tagħhom fir-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa. Fl-istess stqarrija, il-GWU qalet li qed tiddiżassoċja ruħha mill-Editorjali ppubblikati fil-ġurnal tagħha stess is-Sibt li għadda u llum, fejn il-ġurnal ħa pożizzjoni favur il-kaċċaturi.

Il-GWU fakkret li sa mill-bidunett żammet ‘il bogħod mill-kontroversja waqt din il-kampanja referendarja. Filwaqt li qalet li tifhem li l-ħsieb ġurnalistiku jkun imqanqal mill-ħtieġa li l-ġurnal jesprimi l-fehma tiegħu, titlob iżda li wieħed japprezza li din l-espressjoni mhijiex il-ħsieb uffiċjali jew il-linja gwida tal-Union.

F’dan il-kuntest, il-GWU qagħdet ferm attenta milli tieħu pożizzjoni għas-sempliċi raġuni li l-argumenti favur jew kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa huma ta’ natura personali, kemm jekk wieħed iqis il-Kaċċa bħala delizzju tradizzjonali u anke jekk wieħed isostni l-ħtieġa tal-protezzjoni taċ-ċiklu naturali.

Kien b’dan il-ħsieb, qalet il-GWU, li l-Uffiċjali tagħha u kull min b’xi mod jew ieħor jirrappreżentaha żammew ‘il bogħod milli jikkummentaw b’mod uffiċjali l-pożizzjoni tagħhom. Għalhekk hu ta’ dispjaċir li l-Editorjali tal-ġurnal tagħha setgħu taw l-impressjoni li l-GWU qed tappoġġja naħa u mhux oħra, temmet tgħid l-istqarrija.

Skont rapporti fil-media, fil-jiem li għaddew irriżenja minn Editor-in-Chief tal-gazzetti tal-GWU Sandro Mangion, li kien ħa pożizzjoni personali kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa u ddikjara li se jivvota kontra.