L-Għawdxin jafu li l-vot hu aktar effettiv mis-senter. Għaldaqstant, dawk favur il-Kampanja tal-LE f’Għawdex ukoll is-Sibt li ġej għandhom imorru jivvutaw. Dan qalu l-Kelliem tal-Kampanja SHout (Spring Hunting out) Mark Sultana meta l-Erbgħa filgħodu l-Uffiċjali tal-Kampanja żaru l-gżira Għawdxija akkumpanjati minn Joe Sultana, wieħed mill-Ambjentalisti Maltin tal-bidu u Diriġent bikri ta’ BirdLife Malta.
Il-Kelliem tax-SHout qal li hekk kif Għawdex għandu l-fama ta’ gżira ħaddara, il-Kaċċa fir-Rebbiegħa hi tebgħa kergħa għall-pajsaġġ sabiħ li toffri l-gżira. Fakkar kif minkejja li Għawdex għandu aktar kampanja minn Malta, huma biss tlieta l-inħawi fejn il-Kaċċa mhijiex permessa. Mark Sultana qal li dan iħalli impatt negattiv, mhux biss fuq l-għasafar, iżda wkoll fuq ir-residenti u t-turisti li jżuru r-Rebbiegħa għall-passiġġati.
Min-naħa tiegħu, Joe Sultana qal li l-Kaċċa fir-Rebbiegħa ma tagħmilx sens għax, mhux biss mhijiex sostenibbli, imma tmur kontra kull etika. Spjega li fil-passat kien kaċċatur, iżda ma jiddispjaċieh xejn li żarma għax induna li l-ħarsien u l-armonija man-natura hi l-għażla t-tajba.
Fl-attività tkellem ukoll Saviour Balzan, li rringrazzja lil Mark u Joe Sultana għall-ħidma b’risq il-ħarsien tal-għasafar u l-ħidma għall-ġid tal-ambjent u l-komunità. Hu appella lill-Għawdxin biex jilqgħu l-opportunità u jħaddnu l-bidla billi s-Sibt li ġej jivvotaw LE.
//= $special ?>