Jidher li kienu hackers Russi li rnexxielhom jippenetraw parti mis-sistema tal-kompjuters tal-White House.
Dan jirriżulta skont investigazzjoni tas-CNN.
Filwaqt li l-White House qalet li kien biss sistema mhux daqstant importanti effettwata, jidher li l-hackers irnexxielhom jiksbu aċċess għal informazzjoni sensittiva fosthom appuntamenti privati tal-President Barack Obama, u filwaqt li informazzjoni simili mhix sigrieta, xorta waħda tinżamm mistura kemm jista’ jkun.
F’Ottubru, il-White House kienet żvelat li kienet lemħet informazzjoni suspettuża fuq is-sistema ta’ kompjuters li jservu l-uffiċċju eżekuttiv tal-President.
Dak l-inċident kien wassal għal investigazzjoni kbira mis-Servizz Sigriet li jipproteġi lill-President, u l-FBI u servizzi tas-sigurtà oħra Amerikani qed jinvestigaw il-każ li qed jitqies bħala l-aktar wieħed sofistikat li qatt sar kontra l-Gvern Amerikan.
Il-hackers, bħalma jsir is-soltu stinkaw biex jaħbu minn fejn oriġinaw imma l-investigaturi sabu traċċi li jindikaw li dawn oriġinaw mir-Russja.
Il-White House fil-mira tal-hackers
