Internazzjonali Unjoni Ewropea

Kaos fl-ivvjaġġar bl-ajru fi Franza

Hemm kaos l-erbgħa fl-ivvjaġġar bl-ajru fi Franza minħabba strajk li ssejjaħ mill-kontrolluri tal-ispazju tal-ajru.
Mijiet ta’ titjiriet tħassru minħabba l-istrajk li ssejjaħ mill-union SNCTA bejn l-Erbgħa u l-Ħamis. Dan issejjaħ minħabba tilwim dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Id-DGAC, l-awtorità Franċiża tal-avjazzjoni ċivili, talbet lil-linji tal-ajru biex inaqqsu t-titjiriet minn Franza u lejn il-pajjiż b’madwar 40 fil-mija. L-aktar li se jkunu effettwati huma dawk it-titjiriet li ma tantx idumu, magħrufa bħala ‘short-haul’.
L-Air France qalet li kienet mistennija twettaq it-titjiriet ‘long haul’ kollha mill-ajruport internazzjonali Charles de Gaulle f’Pariġi, u lejh, imma se jkun hemm intoppi b’dawk magħrufa bħala ‘short’ u ‘medium haul’. Ir-Ryanair qalet li kellha tħassar 250 titjira s’issa minħabba dan l-istrajk.
Jekk ma tinstabx soluzzjoni, hu mistenni li se jerġa’ jkun hemm strajk simili bejn is-16 u t-18 ta’ April u bejn id-29 ta’ April u t-2 ta’ Mejju.