Ambjent Lokali

Muscat itenni li se jivvota Iva

Waqt intervista li xxandret illum fuq ir-radju laburista, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar il-vot fir-referendum tal-kaċċa, fejn tenna li se jkun qed jivvota IVA nhar is-Sibt li ġej. Hu sostna wkoll illi bħala Prim Ministru se jara li d-deċiżjoni tal-poplu, tkun xi tkun, tiġi rispettata.

Meta tkellem dwar ix-xogħol, Muscat qal illi “il-kbir għadu ġej”. F’din l-intervista l-Prim Ministru sostna li l-ġimgħa d-dieħla u ta wara se jitħabbru aktar investimenti f’pajjiżna. Għalkemm sostna li skont hu l-ħaddiema qed jiżdiedu u l-qgħad qed jonqos, ammetta li fl-ewwel sentejn tal-leġislatura ma tistax tagħmel kollox.

Nhar it-Tnejn li għadda, Muscat kien qal illi taħt il-Gvern tiegħu kull jumejn hemm tliet persuni li qed isibu post tax-xogħol. Iżda imkien ma qal li l-maġġoranza assoluta ta’ dawn l-impjiegi qed jinħolqu mill-Gvern stess maċ-ċivil, b’uħud ikunu pożizzjonijiet għolja għal nies qrib ferm tal-Partit Laburista.

Fil-ftit sekondi li dam jitkellem dwar temi li jolqtu l-Kunsilli Lokali, Joseph Muscat qal li għadu qed jistudja kif se jimxi l-Gvern biex isiru t-toroq li b’mod urġenti għandhom bżonn jingħataw it-tarmac.