Kunsilli Lokali Lokali

Muscat mhux jitkellem dwar il-Kunsilli Laburisti għax iħammrulu wiċċu – Chris Said

Minkejja li qegħdin f’kampanja għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma tkellem qatt dwar il-ħidma tal-Kunsilli Lokali mmexxija minn maġġoranza Laburista. Dan għaliex Kunsilli mmexxija minn Sindki Laburisti jħammru wiċċ il-Prim Ministru Muscat.

Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said f’konferenza tal-aħbarijiet, akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali David Agius.

F’Ħ’Attard, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta disa’ Kandidati, uħud minnhom ġodda u oħrajn b’esperjenza fit-tmexxija tal-Kunsill. Chris Said semma’ kif il-ħidma tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard dejjem irrispettat il-bżonnijiet tar-residenti. Din it-tip ta’ tmexxija hi marka u timbru tal-Kunsilli Lokali kollha mmexxija mir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista.

Madankollu, din it-tip ta’ tmexxija tmur kontra t-tmexxija ta’ Kunsilli b’maġġoranza laburista, bħal fil-każ tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbug, li hu mifni bi problemi interni u infieq ta’ flus fil-ħela. Fakkar ukoll fil-proġett li qed jipproponi l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, li l-istess Kunsill diġà kien ipproponieh erba’ snin ilu, u anke fil-Kunsill tal-Gżira li m’għamel xejn.

Min-naħa tiegħu, David Agius semma’ d-diversi proġetti li wettaq il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, fosthom ir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Warda, proġetti tat-toroq, kif ukoll installazzjoni ta’ apparat ġdid għat-tfal fi Ġnien l-Istazzjon.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali semmew kif Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista se jkompli taħdem biex Ħ’Attard jersaq aktar lejn ċentru ta’ kultura, anke permezz ta’ proġett ta’ restawr li jinkludi l-Istazzjon tal-Ferrovija, b’parti minnu se jkun iffinanzjat minn fondi Ewropej.