F’sentejn, il-Gvern daħħal 6,600 persuna jaħdmu maċ-Ċivil. Meta wieħed iqis dawk li rtiraw mill-2012 sa Ottubru 2014, il-Ħaddiema maċ-Ċivil telgħu minn 40,800 għal 44,500, jiġifieri l-ammont ta’ Ħaddiema tal-Gvern żdiedu bi 3,600 (10%) u n-nefqa tal-Gvern żdiedet b’€126 miljun fuq pagi biss. Dawn iċ-ċifri ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco, li spjega kif diversi persuni li ddaħħlu mal-Gvern żgur ma ngħatawx impjieg fuq bażi ta’ meritokrazija.
Fost l-oħrajn, semma’ kif il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mpjegat magħha 144 persuna fi żmien sena. Spjega li fost il-ħaddiema li ddaħħlu ma’ din il-Korporazzjoni kien hemm anke min ġie impjegat bħala bennej. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ li dawn il-każi kollha huma prova ċara ta’ kemm in-nies ġew affetwati b’mod dirett min-nuqqas ta’ meritokrazija għax l-opportunitajiet inħolqu biss għal dawk tal-qalba.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia u x-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg. Comodini Cachia qalet li preżentament hemm diversi ħaddiema li qed isofru minn diskriminazzjoni u ħafna llum jinsabu demoralizzati. Qalet ukoll li dawn l-eluf ta’ nies li qed jiddaħħlu maċ-Ċivil qed niffinanzjawhom aħna stess mit-taxxi tagħna.
Min-naħa tagħha, Claudette Buttigieg spjegat kif anke fil-qasam tas-Saħħa u l-pożizzjonijiet li ngħataw mill-Gvern Laburista, tispikka n-nuqqas ta’ meritokrazija. Semmiet b’mod speċifiku l-pożizzjoni ta’ States Manager Officer fl-Isptar Boffa, kif ukoll il-Lead Health Screening Coordinator. Irreferiet ukoll għas-sitwazzjoni xejn sabiħa fid-Dipartiment tal-Ambulanzi u l-fatt li l-Isptar Monte Carmeli llum sar qisu Każin Laburista.
//= $special ?>