Kurżitajiet Mużika

Barry Manilow iżżewweġ lill-manager tiegħu

Rapporti li għadhom kemm ħarġu qalu li l-kantant Amerikan Barry Manilow – magħruf għall-kanzunetti ċelebri ‘Copacabana’, ‘Could It Be Magic’ u ”Can’t Smile Without You’ – kien iżżewweġ lill-manager tiegħu, Garry Kief, waqt ċerimonja privata li saret is-sena l-oħra.

Mifhum li Manilow – li, fil-passat, ma ddiskuta qatt il-preferenzi sesswali tiegħu – iżżewweġ waqt avveniment ‘sorpriża’ fid-dar tiegħu, f’Palm Springs (f’Kalifornja) u fil-preżenza ‘ta mhux aktar minn 30 persuna’. Dan skont ir-rapporti li dehru fil-ġurnali ‘People’, ‘US Weekly’ u ‘National Enquirer’.

Ir-rappreżentanti ta’ Manilow, li għandu 71 sena, ma kkummentawx dwar dan iż-żwieġ. Sadanittant, il-ġurnal ‘People’ ikkwota raġel li qal kien preżenti ‘waqt iċ-ċerimonja’ u li sostna li kulħadd ħassu sorpriż b’dak li kien qed jiġri għaliex huma, qabel, kienu sempliċiment infurmati li kienu ‘mistiedna għal pranzu’.

L-Istat ta’ Kalifornja kien legalizza ż-żwieġ bejn membri tal-istess sess fl-2008.