Anton Refalo, il-Ministru għal Għawdex, għandu xejn inqas minn erbatax-il konsulent maħtura direttament minnu fil-Ministeru għal Għawdex. B’kollox fuq firxa ta’ ħames snin biss dawn l-erbatax-il konsulent se jkunu qed jitħallsu s-somma favoluża ta’ €1.25 miljun matul il-leġislatura.
Minn stħarriġ li għamel dan is-sit jirriżulta li Anton Refalo għandu erbatax-il konsulent fuq bażi ta’ persuni ta’ fiduċja. Dawn kollha qed jitħallsu pagi mill-aqwa li b’kollox jammontaw għal €250,000 fis-sena.
Dawn il-konsulenti lkoll intgħażlu migħajr ma saret xi sejħa pubblika jew inkella mingħajr ma saritilhom xi intervista, iżda ntgħażlu direttament mill-Ministru Anton Refalo mhux biss għaliex huma qrib tiegħu, imma anki għaliex hu għandu fiduċja fil-kapaċitajiet tagħhom.
Dwar dan dan is-sit talab il-kummenti ta’ Chris Said, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u x-Shadow Minister għal Għawdex, li spjega li ċ-ċifra ta’ €1.25 miljun għal dawn il-konsulenti fuq firxa ta’ ħames snin hi waħda konservattiva għaliex din iċ-ċifra ma tinkludix l-allowances, il-mobile, il-karozzi u l-fuel u tant u tant affarijiet oħra. Jiġifier din iċ-ċifra ta’ €1.25 miljun titla’ ferm aktar.
Chris Said kompla li tlieta minn dawn il-konsulenti huma fil-kultura u staqsa għaliex għas-settur tal-kultura hemm maħtura tlett konsulenti. “Fuq kollox min huma dawn il-konsulenti? Huma nies esperti fil-kultura jew inkella nies tal-qalba li l-Gvern ried jagħtihom aktar minn €20,000 fis-sena?”
Hu żied li konsulent ieħor hu fuq is-solid waste. “Anki dan tajjeb li wieħed ikun jaf min hu u fuq kollox dan hu espert f’dan il-qasam jew hu persuna li qatt ma kellha l-iċken idea ta’ dan il-qasam u l-Gvern ried li jagħtih is-somma sabiħa ta’ €25,000?”
Hu temm jassigura li meta wieħed ifittex dwar min huma dawn il-famużi konsulenti se jsib li fl-aħħar mill-aħħar dawn ma għandhom l-ebda kompetenza fis-settur tagħhom.