Ellen Stofan, xjenzjat kap tan-NASA, waqt diskors pubbliku f’Washington bassret li f’temp ta’ bejn 10 u 20 sena, id-dinja se tkun għamlet kuntatt ma’ ħajja aljena.
Hi qalet li meta wieħed iqis li hemm madwar 200 biljun pjaneta fil-galassja fejn jista’ jkun hemm il-ħajja, hi biss kwistjoni ta’ żmien qabel ma jsir xi kuntatt.
Hi qalet li temmen li fis-snin li ġejjin se jkun hemm indikazzjoni b’saħħitha ta’ ħajja oħra u evidenza definittiva f’perjodu ta’ bejn 10 u 20 sena oħra.
Hi qalet li n-NASA issa kienet taf fejn trid tfittex għal ħajja oħra u xi trid tfittex għalih, filwaqt li f’ħafna każi kellha t-teknoloġija biex tagħmel dan.
Fl-istess diskussjoni, Jeffery Newmark, espert ieħor tan-NASA, qal li definittivament ma kinitx kwistjoni ta’ jekk hux se jsir kuntatt, imma ta’ meta se jsir. Imma Stofan għamlitha ċara li ma kinitx qed titkellem dwar ħajja aljena bħalma wieħed jara fil-films, imma dwar mikrobi.