Lokali

Filmat: Daħku bija… qabel l-elezzjoni wegħduni kollox… illum anqas il-voti tiegħi ma jridu

David Pace, Laburist kbir u akkanit li kien irabbi l-bhejjem, illum jistqarr ma’ kulħadd li ma jridx jaf aktar bil-Partit Laburista wara li dan daħak bih sal-punt li llum jinsab dahru mal-ħajt.

“Qabel l-Elezzjoni wegħduni li se jgħinuni biex ikolli r-razzett tiegħi kif tant nixtieq. Illum anqas biss ikellmuni ma jridu. Missieri mar saħansitra għand il-Prim Ministru Joseph Muscat iżda dan daħak bina hu wkoll,” qal David Pace.

Hu kompla li jinsab imweġġa’ ħafna ħafna b’dan l-atteġġjament tal-Partit Laburista u saħansitra f’dawn il-jiem is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qallu li hu m’għandux bżonn il-voti tiegħu.

David Pace, f’intervista esklussiva li tista’ ssegwi fuq dan is-sit, qalilna li l-appell tiegħu lin-nies bħala ħaddiem hu biex ma jafdawx aktar lill-Partit Laburista li qed jieħu ħsieb lil dawk tal-qalba iżda lil nies bħalu warrbuhom u qed jiskartawhom.