Intervent f’waqtu mill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll Kandidati għall-elezzjoni lokali u membri tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit f’San Pawl il-Baħar kien essenzjali biex twaqqaf xogħol bla permess li kien qed jinbeda tard il-Ħamis filgħaxija fi Triq San Pawl. Ix-xogħol kien jitratta tqattigħ ta’ bankina, li għalih saret talba lill-Kunsill Lokali.
Madankollu, fil-jiem li għaddew, il-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Laburista, iddeċieda li dan ix-xogħol ma jsirx għalissa ħalli l-kwistjoni tiġi diskussa fid-dettal u deċiża wara li jiġi elett Kunsill Lokali ġdid. F’dik il-laqgħa partikolari kien hemm qbil bejn iż-żewġ naħat, fosthom mis-Sindku Laburista stess Raymond Tabone.
Madankollu, għall-ħabta tad-9.30pm tal-Ħamis, xi inġenji dehru jaslu fil-post biex jagħmlu dan ix-xogħol. Kif indunaw b’dan, il-Kunsilliera Nazzjonalisti, li kienu qed jagħmlu l-aħħar ħidma fl-għeluq tal-kampanja elettorali, ġibdu l-attenzjoni tal-ħaddiema skont il-ftehim milħuq fil-laqgħa tal-jiem li għaddew. Min-naħa tagħhom, il-ħaddiema stqarrew magħhom li ntbagħtu jagħmlu x-xogħol fuq ordni tas-Sindku Laburista nnifsu.
Persuni qrib l-amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali, li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com, qalu li Raymond Tabone kellu pressjoni minn persuni fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista biex dan ix-xogħol isir xorta. Dan hekk kif il-persuna li għamlet it-talba hedded li ma jivvotax aktar lil-Labour jekk ix-xogħol ma jsirx. Kien f’dan l-istadju li s-Sindku Laburista kellu jċedi għall-pressjoni minn fuq u jitlob lill-ħaddiema jmorru fil-post.
Is-sorsi li tkellmu magħna qalu li l-intenzjoni tas-Sindku kienet li x-xogħol jibda f’dawn il-ħinijiet tard tal-Ħamis minħabba li l-ebda Kamra tal-Aħbarijiet ma tkun tista’ tirrapporta x’ġara mill-Ġimgħa ‘l quddiem, skont il-Liġi Elettorali li titlob Jum ta’ Riflessjoni lejliet Jum il-Votazzjoni.
Crew ta’ MaltaRightNow.com mar fil-post kif waslilna r-rapport ta’ dak li kien qed iseħħ. Ippruvajna nieħdu l-kumment tas-Sindku Laburista, li min-naħa tiegħu daħal jiġri fl-aktar stabbiliment tax-xorb li sab viċin tiegħu. Kien biss f’dan l-istadju li l-ħaddiema ntalbu jżarmaw il-makkinarju tagħhom u jitilqu mill-post.
//= $special ?>