Wara li fl-aħħar tliet snin il-Kunsill tas-Swieqi ħadem biex infetħet l-Għassa tal-Pulizija, Kunsill immexxi mill-PN lest jibqa’ jaħdem biex jassigura sigurta’ għar-residenti tas-Swieqi. Dan qalu l-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami f’konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu fl-Open Air Gym tas-Swieqi fi ġnien FX Ebejer – post li l-Kunsill lest ukoll jirrinovah fis-snin li ġejjin.
Fl-istess konferenza, Beppe Fenech Adami spjega li fl-aħħar leġislatura l-Kunsill tas-Swieqi għamel numru ta’ toroq ġodda fosthom Triq il-Qasam, Triq l-Inġinier, Triq Padidalwett, Triq Josef Calleja, Triq it-Talja, Triq il-Ħabba, Triq Marbat kif ukoll parti minn Triq ir-Ratal. Il-Viċi Kap Nazzjonalista semma’ ukoll id-diversi inizjattivi li wettaq dan il-Kunsill Nazzjonalista, fosthom il-famuż SwieqiFest. U qal li prijorita’ tal-Kunsill il-ġdid se tkun il-ftuħ ta’ Ċentru għall-Arti u l-Kultura.
Tkellem ukoll David Agius, il-Kelliem tal-PN għall-Kunsilli Lokali, li saħaq fuq il-bżonn urġenti ta’ riforma fis-sistema tal-Gwardjani Lokali u l-ħtieġa li l-Gvern jinvesti aktar fit-toroq. Dan jista’ jsir billi parti mill-ħlas tal-liċenzji tmur dirett għand il-Kunsilli Lokali.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet fis-Swieqi kien hemm is-Sindku, Kunsillieri kif ukoll il-Kandidati tal-PN.
//= $special ?>