Lokali

Ġlied intern, dejn u nuqqas ta’ proġetti f’Ħad-Dingli

Fl-aħħar sentejn f’Ħad-Dingli spikka n-nuqqas ta’ qbil fil-Kunsill Lokali b’maġġoranza assoluta ta’ kunsillieri eletti f’isem il-Partit Laburista.

Jirriżulta li mar-riżenja tal-eks Sindku tal-lokal Ian Borg, wara li dan ġie elett fil-Parlament bħala Segretarju Parlamentari, l-amministrazzjoni ġdida mmexxija mis-Sindku Venera Micallef sabet ma’ wiċċha dejn kbir, li llum ilaħħaq madwar €200,000.

Dan affettwa ħażin anke l-manutenzjoni fil-lokalità, b’postijiet bħal Ġnien il-Ħaddiem li llum jinsab abbandunat u mitluq. Ġnien li fih fis-Sajf kienu jiltaqgħu ż-żgħażagħ Dinglin imma li llum il-ġurnata spiċċa abbandunat.

Iktar minn nofs is-somma ta’ dejn akkumulat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli ġejja minn rabta li l-istess Ian Borg għamel wara li saru numru ta’ toroq residenzjali fl-aħħar sena qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet u li l-ħlas tagħhom qed isir fuq it-tmien snin ta’ wara.

Madwar €20,000 oħra huma ħlas għal xogħlijiet ta’ bankini li saru fil-lokalità minn Ian Borg fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali bi ksur ta’ kuntratt li kien hemm bejn il-kunsill u l-MEPA. Dan għaliex il-bankini ma sarux fiż-żona indikata mill-MEPA.

Dan wassal biex il-MEPA rrifjutat li tħallas il-fondi tal-proġett u li allura l-parti l-kbira kellhom jitħallsu minn fondi tal-kunsill.

Wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-kunsill lokali sab ukoll ħafna irċevuti akkumulati, fosthom ta’ servizzi li baqgħu ma tħallsux għal snin twal. Fost dawn, l-operatur li kien joffri s-servizz ta’ bulky refuse filfatt bagħat irċevuti ta’ tliet snin.

Imma dawn mhux l-uniku problemi li sab ma’ wiċċu. Biss biss Ian Borg żarma l-Kunsill Lokali mill-ħaddiema għaliex tnejn ħadhom jaħdmu fis-Segretarjat tiegħu. Dan filwaqt li s-Segretarju Eżekuttiv kien imġiegħel imur lura fiċ-ċivil. Sa llum il-Kunsill Lokali għadu mingħajr Segretarju Eżekuttiv permanenti.

Il-problemi bejn il-kunsilliera tal-Partit Laburista fil-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli komplew jikbru fl-aħħar ġimgħat meta saħansitra kien hemm attentati biex l-aħħar laqgħa tal-Kunsill ma ssirx billi ma jattendux biżżejjed kunsilliera u b’hekk ma jkunx hemm quorum.