Minkejja l-ferneżija tal-aħħar jiem biex il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar jagħmel xogħol ta’ malajr, ftit qabel l-elezzjoni għall-Kunsilli Lokali tas-Sibt li ġej, il-kunsill b’maġġoranza Laburista ma jistax ilaħħaq mal-problemi li ħalla jikbru fl-aħħar snin.
San Pawl il-Baħar u l-madwar fl-aħħar jiem kienu kkaratterizzati minn toroq maqlugħa għal xogħol ta’ patching ta’ malajr, li jew sar ħażin, inqala’ mill-ewwel u f’xi każi saħansitra kellu jerġa’ jitneħħa biex sar xogħol ftit iktar permanenti.
Fi Triq it-Turisti, triq li saret ftit taż-żmien ilu, suppost bit-tarmak, dan diġa’ beda jinqala’.
Fit-Telgħa tax-Xemxija, il-Kunsill Lokali ordna li jsir patching biex tissewwa ħsara kbira strutturali f’din it-triq. Ix-xogħol li sar kienet biss roqgħa f’nofs ħofra kbira.
Dejjem fix-Xemxija, fejn anke’ l-promenade, fost l-iktar postijiet turistiċi frekwentati f’pajjiżna, l-ewwel sar patching ta’ malajr, li wassal biex it-triq spiċċat agħar milli kienet, biex ftit jiem wara nqala’ kollox mill-ġdid. Xogħol żejjed, spejjeż doppji u iktar inkonvenjenza.
Il-promenade ta’ Buġibba wkoll tinsab abbandunata, filwaqt li l-moll tal-Barracuda fil-bajja ta’ San pawl il-Baħar, tħalla jitkisser ftit ftit mingħajr ma l-Kunsill Lokali ħa azzjoni, minkejja li jaf bil-problema.
Postijiet oħra, bħal Burmarrad, baqgħu abbandunati għal kollox. L-aħħar xita li għamlet bidlet Triq Tony Camilleri fi xmara, b’periklu għas-sewwieqa.
Kuntratturi li tqabbdu mill-Kunsill Lokali wrew nuqqas kbir ta’ rispett lejn ir-residenti, bil-kunsill jibqa’ ma jiħux azzjoni. Fost l-oħrajn dawn ir-ritratti ta’ kuntrattur li minkejja li x-xogħol kien wieqaf, ipparkja l-inġenji quddiem il-knisja, fuq kaxxa ta’ parkeġġ riservata għal persuni b’diżabilta’.
Ir-residenti baqgħu isofru wkoll minn nuqqas ta’ infurzar tal-liġi, b’mod speċjali fejn jidħol parkeġġ ħażin.
Dan filwaqt li tispikka wkoll in-nuqqas ta’ manutenzjoni, b’maduma nieqsa li ġiet rappurtata f’Diċembru li għadda, waqgħu u weġġaw nies imma erba’ xhur wara baqa’ kollox l-istess.
Fost ir-ritratti li ttellgħu mir-residenti stess fl-aħħar jiem jispikka wkoll il-ħmieġ li sfortunatament sar jikkaratterizza dawn l-inħawi turistiċi, bħal Triq J. Quintinus.
Fost l-oħrajn sparixxew bring in sites, li minflokom illum hemm skips ifuru bil-ħmieġ u l-iskart, bil-konsegwenza li madwarhom hu mimli bl-iskart.
Fix-Xemxija, qrib il-villaġġ tal-Mistra, iż-żona saħansitra spiċċat post tal-abbużi, fosthom id-droga, minħabba li d-dawl tat-triq kważi hu ineżistenti.
Dan minbarra li x-Xemxija tħalliet fi stat ta’ nuqqas ta’ manutenzjoni.
Wieħed jista’ jsemmi wkoll l-abbandun totali ta’ art pubblika li setgħet intużat għal proġetti ta’ tisbiħ, imma baqa’ ma sar xejn.
Dawn il-problemi jiżdiedu mad-dejn kbir li maġġoranza Laburista ħalliet il-Kunsill jaqa’ fih, imma se jkompli jżidu l-pressjoni għall-amministrazzjoni futura, hekk kif ix-xogħol ta’ malajr u għalxejn li qed isir, b’mod speċjali fit-toroq, ħafna minnu għadu lanqas tħallas.
//= $special ?>