Lejliet l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kunsill immexxi minn maġġoranza Laburista f’Raħal Ġdid jinsab f’paniku għax għal darb’oħra se jidher li għadu m’għamel xejn dwar il-proġett tal-Pjazza ewlenija fil-lokalità.
Qabel l-elezzjoni lokali li għaddiet, tliet snin ilu, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat kien ħabbar il-proġett, l-istess kif għamel il-Gvern fil-jiem li għaddew għax s’issa għadu lanqas biss inbeda … minkejja li għaddew tliet snin sħaħ.
Issa, il-Kunsill Laburista ta’ Raħal Ġdid qed jara li se jerġa’ jiġri l-istess. Iżda biex taparsi juri lin-nies li qed jagħmel xi ħaġa, ippreżenta diżinji ta’ kif suppost ġejja l-Pjazza l-ġdida.
Barra minhekk, f’dawn il-jiem organizza numru ta’ laqgħat biex suppost jiddiskuti mar-residenti u l-ħwienet tal-madwar kif dan il-proġett jista’ jolqothom.
Madankollu, Radio 101 jista’ jiżvela li l-Kunsill Laburista ta’ Raħal Ġdid qed jagħżel hu ma’ min jiddiskuti. Sorsi li tkellmu magħna qalu li persuni miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista flew sew il-lista u għażlu persuni ta’ twemmin Laburista biex żgur ma jkunx hemm oġġezzjoni għall-proġett.
Persuni li tkellmu ma’ Radio 101 qalu li l-laqgħat qed isiru f’binja kummerċjali fi Blata l-Bajda, f’diversi ħinijiet matul il-ġurnata. Fost persuni li qed jinfluwenzaw fl-għażla tal-persuni hemm persuni qrib iċ-Chairman tal-Kumitat tas-South, id-Deputat Laburista Silvio Parnis.
Il-persuni li tkellmu magħna qalu li meta staqsew għaliex il-lista qed tiġi miflija u l-laqgħat mhux ikunu miftuħin għal kulħadd, il-persuni qrib Silvio Parnis qed iwieġbu li l-għażla qed issir “skont il-bżonn”.
Meta fil-jiem li għaddew, il-Gvern reġa’ ħabbar il-proġett mill-ġdid, din id-darba l-Prim Ministru Joseph Muscat ma deher imkien. B’hekk seta’ jevita li l-ġurnalisti fil-post jistaqsuh dwar kif dan il-proġett kien diġà tħabbar tliet snin ilu – minnu stess – u sal-lum baqa’ ma sar xejn.
//= $special ?>