Matul din il-kampanja elettorali ħarġet id-differenza bejn iż-żewġ partiti ewlenin; bil-Partit Nazzjonalista b’kampanja iffukati fuq l-isfidi u l-ħidma fil-lokalitajiet u l-Partit Laburista li ftit li xejn isemmi l-lokalitajiet.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-aħħar jum tal-kampanja qabel l-elezzjonijiet tas-Sibt, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said qal li l-PN ippreżenta iktar minn 700 proposta konkreta li beħsiebu jwettaq fl-34 lokalita’ li fihom se ssir l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali. Min-naħa l-oħra, jum wara l-ieħor, il-kampanja tal-Partit Laburista injorat għal kollox il-lokalitajiet u r-residenti u ffokat biss biex tipprova turi kemm hu b’saħħtu l-Mexxej Laburista.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap għall-ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami irrefera għad-dikjarazzjoni tad-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela li qal li jaqbel li jsiru l-affarijiet bil-moħbi biex in-nies isiru sinjuri. Beppe Fenech Adami qal li din id-dikjarazzjoni hi turija ċara li l-wegħda tal-accountability u tat-trasparenza taret mar-riħ. Hu semma diversi każi fejn bil-ħabi, nies partikolari qed isiru sinjuri, fosthom fl-iskandlu tal-Cafe’ Premier, l-indħil tal-Ministru Konrad Mizzi fix-xiri taż-żejt mill-Ażerbajġan, il-kuntratt ta’ €85,000 fis-sena lil Cyrus Engerer, il-ħabi fil-paga ta’ €13,000 fix-xahar lill-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, il-ħabi ta’ 310,000 metru kwadru ta’ art pubblika liċ-Ċiniżi, il-kuntratt ma’ Henley & Partners u kif Muscat kera l-karozza tiegħu stess lilu nnifsu. Il-poplu Malti jista’ jagħmel ġudizzju fuq il-maskra tal-Partit Laburista li waqgħet u li issa jidher kif jaħsibha verament dwar accountability, trasparenza u meritokrazija.
Il-Viċi Kap għall-ħidma fil-Parlament Mario de Marco qal li sentejn ilu, eluf ta’ nies ivvotaw lil Muscat għall-ewwel darba għaliex ġenwinament emmnuh li kien se jmexxi bi stil ta’ politika differenti. Iżda ħafna jinsabu diżillużi u Mario de Marco rrefera għall-editorjal li hemm fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal Times of Malta dwar l-użu tal-mistħija tal-power of incumbency mill-Partit Laburista fil-Gvern. Editorjal, kompla l-Viċi Kap tal-PN, li qed jirreaġixxi għall-ammont ta’ proġetti li tħabbru b’kumbinazzjoni f’dawn il-jiem u l-inawgurazzjoni tal-interconnector illejla, prattikament lejliet l-elezzjoni.
Mario de Marco kompla li Muscat qed jagħmel eżatt bil-kontra ta’ dak li wiegħed u qed imexxi b’politika antika. F’dawn is-sentejn, il-Gvern ta’ Muscat żied in-numru ta’ nies jaħdmu mal-Gvern b’4,000, li ma jinkludux dawk li daħlu biex jieħdu post oħrajn li jirtiraw. Żidiet li jammontaw f’żieda ta’ €126 miljun f’pagi li jrid iħallas it-taxpayer Malti. Il-Viċi Kap tal-PN temm li lanqas fil-kampanja elettorali ma ntwera l-istil ġdid ta’ politika, b’kampanja karatterizzata minn allegazzjonijiet u tfigħ ta’ tajn.
//= $special ?>