Lokali

Il-PN qed iwettaq il-wegħda li jerġa’ jinbena fuq in-nies – Simon Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista jinsab għaddej fi proċess li matulu qed jerġa’ jinbena fuq in-nies. Il-Partit Nazzjonalista qed iwettaq il-wegħda tiegħu li jkun partit tan-nies billi qed jiltaqa’ mal-familji li qed jagħrfu d-differenza bejn il-Partit Laburista li ma wettaqx il-wegħdiet tiegħu u l-Partit Nazzjonalista li qed jiġġedded.

Qal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil meta kien qed jiġi intervistat mill-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Medialink Communications Fabian Demicoli fuq Radio 101 nhar il-Ħamis filgħodu.

Simon Busuttil saħaq li bħala Kap tal-Partit li dejjem ħadem favur il-libertà u d-demokrazija, huwa imħasseb bil-kultura ta’ biżgħa li qed titrawwem f’pajjiżna.

“Ma rridx li ngħix f’dan it-tip ta’ pajjiż. Jien lest li nkun il-vuċi tagħkom” saħaq Simon Busuttil. Huwa fakkar li l-PN waqqaf l-Uffiċċju Kuntatt PN biex, fost l-oħrajn, jindirizza l-inġustizzji li qed iseħħu.

Matul l-intervista Simon Busuttil elenka numru ta’ każijiet li fihom Joseph Muscat inganna lill-poplu Malti. Fost dawn il-każ tal-isparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia fejn il-Prim Ministru ried jaħbi l-verità anke fuq każ daqshekk gravi. Huwa tenna li bħalissa qed isiru l-aħħar thejjijiet biex Manuel Mallia jinħatar bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin.

Ingann ieħor huwa dak ta’ Joseph Muscat li se jkun qed jiftaħar b’rix ħaddieħor meta se jinawgura l-proġett tal-interconnector. Simon Busuttil fakkar li filwaqt li, permezz tal-interconnector, se nkunu nistgħu nixtru d-dawl bi prezz medju ta’ 6c kull unit, il-Gvern intrabat li jixtri l-elettriku mill-Electrogas bin-9c6 kull unit.

Simon Busuttil sejjaħ ukoll bħala “daħka fil-wiċċ” il-fatt li Joseph Muscat ta d-dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena iżda mbagħad ma riedx li dawn l-elezzjonijiet isiru u lanqas ħalla lill-istess żgħażagħ jivvutaw fir-referendum.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar id-dikjarazzjoni xokkanti tad-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela li qal li jaqbel ma’ Konrad Mizzi li lest jagħmel l-affarijiet bil-moħbi biex jagħmel lin-nies sinjuri.

“Possibbli Deputat Mexxej jitħalla jitkellem b’dan il-mod u qisu xejn mhu xejn?” staqsa Simon Busuttil.

Il-Kap tal-PN qal li dan huwa stil antikwat ta’ kif issir il-politika u l- PN irid ikun alternattiva għal dan l-istil ta’ politika.

“Nistenna li Joseph Muscat jieħu azzjoni immedjata kontra Konrad Mizzi u Toni Abela” sostna Simon Busuttil.

Il-gvern mexa wkoll bil-moħbi fiż-żjara li għamel fl-Ażerbaijan fejn ftiehem waħdu mal-kumpanija SOCAR – l-istess kumpanija li l-Ministru Konrad Mizzi indaħal biex tkun il-kumpanija magħżula fil-ftehim dwar il-hedging għax-xiri taż-żejt.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-kuntratti li l-gvern ried iżomm moħbija u li nkixfu mill-Oppożizzjoni li juru kif meded kbar ta’ artijiet għaddew f’idejn l-Enemalta bil-moħbi.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li bil-vot tiegħu, il-poplu għandu juri li ma jridx din it-tip ta’ politika u minflok jagħżel politika onesta li tista’ tagħmel differenza fil-ħajja tal-poplu Malti.