Lokali

Filmat: “Il-professuri qalulna li t-trapjant mar tajjeb ħafna” – omm Miguel

L-intervent kirurġiku biex sar trapjant lil Miguel Bugeja mar tajjeb ħafna u ma kienx hemm side effects li t-tobba ma kellhomx kontroll fuqhom.

Stqarret dan Marisabelle Bugeja, omm Miguel f’kummenti lil dan is-sit fejn spjegat li l-professuri li operaw lil Miguel huma sodisfatti, u t-tifel qed jirkupra mill-intervent.

Kompliet li issa jridu jgħaddu bejn għaxra u ħmistax-il ġurnata biex il-bone marrow tibda taħdem u tipproduċi ċ-ċelloli li għandu bżonn.

Fortunatament Miguel rabba’ ftit enerġija wara dan l-intervent, b’ommu tispjega li minkejja li qed jorqod ħafna, xi ħaġa normali wara intervent bħal dan, xorta waħda qed iqum u jilgħab xi ftit.

L-istorja diffiċli għal Miguel bdiet meta kellu sentejn u għaxar xhur. Kellu tebgħa f’dahru, telgħalu d-deni u kien muġugħ ħafna. Mit-testijiet li sarulu rriżulta li t-tifel kellu leukemia.

Beda t-trattament imma sfortunatament għat-tielet darba reġgħet ħarġitlu l-leukemia, din id-darba b’ċelloli fir-ras, li allura kien hemm bżonn li jsir trapjant tal-bone marrow.

Sfortunatament, minkejja li hemm miljuni ta’ donaturi, kienet diffiċli biex jinstab donatur li jaqbel ma’ Miguel. Meta nstab persuna, mill-aħħar testijiet irriżulta li ma kienx daqshekk kompatibbli u għalhekk tawh kurdun ta’ tarbija mill-Istati Uniti.

Minn naħa tagħha omm Miguel irringrazzjat lill-mijiet kbar li talbu għal Miguel, kif ukoll dawk kollha li b’xi mod jew ieħor imxew xi ftit minn din il-mixja mal-familja Bugeja.

Fl-aħħar sigħat, mindu Puttinu Cares appellaw għat-talb għal Miguel, din l-istorja saħansitra laħqet livell internazzjonali, b’ħafna nies minn pajjiżi differenti jibagħtu messaġġi ta’ kuraġġ fuq il-paġna ta’ Puttinu Cares fuq Facebook.