Lokali

Illum il-votazzjoni fl-Isptarijiet

Minbarra li hu l-aħħar jum tal-kampanja elettorali għar-Referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa u l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali f’34 lokalita’, illum ukoll qed issir il-votazzjoni fl-Isptarijiet ta’ Malta u Għawdex.

Il-votazzjoni infetħet fis-7a.m. u se tibqa’ għaddejja sal-10p.m. fl-isptarijiet Karin Grech, Monte Carmeli, Mater Dei u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Pazjenti li sat-Tnejn li għadda fis-6p.m. kienu rreġistrati f’sodda f’wieħed minn dawn l-isptarijiet, għandhom jivvutaw fl-isptar fejn kienu rikoverati, anki jekk minn dakinhar kienu rilaxxati mill-Isptar.

Sad-9p.m. tal-bieraħ, kien għad fadal 23,317 dokument tal-vot għar-referendum dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa li għadhom mhux miġbura u 33,711 dokumenti tal-vot għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li għadhom ma nġabrux.

Illum hu l-aħħar ċans biex wieħed jiġbor id-dokument tal-vot. Votanti reġistrati Malta għandhom imorru personalment fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar u jippreżentaw karta tal-Identita’ jew permess ta’ residenza bejn it-8a.m. u s-2p.m. u mit-3p.m. sa nofsillejl. Votanti reġistrati Għawdex għandhom jiġbru d-dokument tal-vot mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’ fir-Rabat Għawdex. Ħadd ma jista’ jivvota mingħajr id-dokument tal-vot.