“Issa għandkom iċ-ċans li tagħmlu d-differenza bil-vot tagħkom. Il-kunsilli lokali b’maġġoranza Nazzjonalista diġà għamlu d-differenza fil-lokalitajiet. Issa huwa l-mument li, bil-vot tiegħek, int tiddeċiedi min irid imexxi l-lokalitajiet tiegħek”.
Dan kien l-aħħar appell tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jiġi intervistat waqt programm speċjali fuq NET TV fl-aħħar sigħhat tal-kampanja elettorali b’rabta mal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
Simon Busuttil qal li l-għan tal-Partit Nazzjonalista huwa li, permezz ta’ dawn l-elezzjonijiet, jibda jonqos id-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jinsab kburi bil-184 kandidat li l-Partit qed iressaq f’dawn l-elezzjonijiet. Huwa qal l-Partit Nazzjonalista wassal bl-iktar mod ċar il-messaġġ li l-Partit Nazzjonalista jista’ jagħmel id-differenza kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell nazzjonali.
Simon Busuttil qal li, minkejja li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jitlaq minn żvantaġġ, huwa xorta insista li dawn l-elezzjonijiet għandhom isiru għaliex jemmen fil-prinċipju tad-demokrazija.
B’rabta mal-proġett tal-Interconnector, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fl-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, Joseph Muscat tilef opportunità biex jgħaqqad lill-poplu Malti.
Fid-dawl ta’ dan kollu, saħaq Simon Busuttil, toħroġ iktar id-differenza bejn il-politika ta’ Joseph Muscat li hija msejsa fuq wegħdi miksura u l-politika tal-PN li hija bbażata fuq is-sewwa u l-onestà.
“Din hija Oppożizzjoni li qed tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies minkejja li mhijiex fil-gvern kif jixhdu l-każijiet tar-roħs fil-prezz tal-petrol u d-diesel, l-insistenza biex isiru l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u l-kxif ta’ dokumenti li l-gvern ried iżomm mistura” saħaq Simon Busuttil.
Il-programm speċjali mistenni jibqa’ għaddej sa nofs illejl u mistenni jkun indirizzat ukoll minn numru ta’ uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>