Lokali

L-attakk f’Garissa ġab lill-Kenjani wiċċ imb wiċċ mar-realta’

Il-Kenjani ġew wiċċ imb’wiċċ mar-realta’ tas-sitwazzjoni fil-pajjiż wara l-massakru ta’ 147 persuna, fil-maġġoranza Kristjani, fl-Universita’ ta’ Garissa, fil-Kenja. Tant hu hekk li fl-aħħar jiem saret velja ta’ talb mal-Kenja kollha fejn ipparteċipaw fiha prinċiparjament l-istudenti, b’messaġġ ta’ solidarjeta’.

Stqarr dan l-Isqof Koadjutur Monsinjur Joe Alessandro li llum wara nofsinhar wasal f’Malta flimkien mal-Isqof tad-Djoċesi Monsinjur Pawlu Darmanin.

Garissa tifforma parti minn djoċesi fejn fejn jaħdmu dawn iż-żewġ isqfijiet, fejn 40 sena ilu marru l-ewwel missjunarji kapuċċini Maltin. Bħalissa, flimkien ma’ dawn iż-żewġ Isqfijiet hemm ukoll ħames missjurnarji kapuċċini Maltin oħra.

Il-massakru tal-Kristjani fl-Universita’ f’Garissa seħħ biss kilometru bogħod mill-Katidral u d-dar fejn jgħixu l-Isqfijiet Maltin.

Sbiegħ il-Ħamis filgħodu smajna t-tiri u mill-ewwel ħsibna li ġara xi ħaġa. Fejn ninsabu aħna, jekk tisma’ t-tiri allura żgur li jkun ġara xi inċident,” spjega Monsinjur Alessandro.

Kompla li dakinhar kienet ġurnata mimlija sireni tal-ambulanzi, u l-unika ħaġa li kienu jafu li nqatlu ħafna nies mill-Al Shabab. Monsinjur Alessandro kompla li minħabba dak li ġara kellha titħassar il-funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka, li tant hi għal qalb il-kapuċċini u kienu ilhom jaħdmu għaliha.

Fil-ġranet ta’ wara ppersistiet il-biża’ tant li l-attendenzi tal-Ġimgħa u s-Sibt kienu baxxi.

Ħadd il-Għid konna sorpriża għaliex il-katidral kien mimli u l-ġenituri ġew bit-trabi u t-tfal biex għamilna 28 Magħmudija,” qal Monsinjur Alessandro, li tkellem b’sodisfazzjon dwar ċelebrazzjoni li damet kważi erba’ sigħat, filwaqt li l-Katidral kien mgħasses sew mill-forzi tas-sigurta’.

Minkejja dan, Monsinjur Alessandro qal li l-poplu kenjan għadu xxukkjat b’dak li ġara, episodju li jqisu bħala t-tieni l-iktar attakk fil-pajjiż, wara l-attakk fuq l-ambaxxata Amerikana, meta kienu nqatlu mal-mitejn ruħ.

Il-korruzzjoni hi problema kbira fil-pajjiż

Minn naħa tiegħu l-Isqof Pawlu Darmanin spjega kif problema kbira u persistenti fil-Kenja, li dejjem iltaqa’ magħha matul is-snin twal li ilu jaħdem fil-missjoni fil-Kenja, hi l-korruzzjoni.

Monsinjur Darmanin, li ilu 34 sena fil-Kenja, 32 sena minnhom bħala isqof, spjega kif anke’ l-attakk f’Garissa jista’ jkollu għeruq fil-korruzzjoni għaliex numru ta’ persuni jaqsmu l-fruntieri lejn il-Kenja, anke’ billi jħallsu l-flus biex jakkwistaw dokumenti foloz u jidħlu fil-pajjiż illegalment.

Kompla kif minkejja li ra bidla għall-aħjar, il-korruzzjoni tibda mill-Gvern ‘l isfel, u diffiċli tissolva. “Minkejja li l-President tal-pajjiż qal lill-membri parlamentari biex iwarrbu jekk huma nvoluti fil-korruzzjoni, il-problema hi li min wettaq din il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fil-verita’ kien korrott hu wkoll,” qal l-Isqof Darmanin.

Madankollu hu fisser it-tama tiegħu li bilmod din il-ġlieda tibda tingħeleb grazzi anke’ għal-liberta’ tal-istampa. Hu stess, minkejja li jaħdem fil-Kenja, dejjem kien vokali kontra l-korruzzjoni fil-pajjiż, li żżomm lura wkoll l-iżvilupp ekonomiku, edukativ u ta’ sigurta’ tal-pajjiż.

Il-Maltin issa jiltaqgħu mal-Papa Franġisku

L-Isqfijiet Maltin minn Malta issa jmorru lejn Ruma wara ftit jiem mal-familji tagħhom u sħabhom is-saċerdoti f’pajjiżna. Bejn il-Ħadd 12 u l-Ħamis 16 ta’ April huma se jkollhom vista hekk imsejħa “Ad limina”.

Mistoqsi x’qed jistenna minn din il-laqgħa, Monsinjur Joe Alessandro spjega li l-Papa dejjem ta solidarjeta’ b’rabta ma’ dan l-inċident, u saħansitra appella lill-Gvern Kenjan biex jirdoppja s-sigurta’ fil-pajjiż.

Matul il-laqgħa se nkunu qed nuru r-rikonoxximent tagħna lejn il-Papa’ li mhux biss talab għalina imma ħeġġeġ lid-dinja biex tagħmel l-istess,” qal Monsinjur Alessandro, li qed jistenna li l-Papa se jkun qed jinkoraġġihom fil-ħidma tagħhom.

Fil-kummenti li għadda lill-ġurnalisti, Monsinjur Alessandro qal li l-Papa diġa’ hu nfurmat li l-ħidma tagħhom hi fost minoranza reliġjuża, fost il-problemi u d-diffikultajiet li jsibu fil-ħidma ta’ kuljum.

Spjega li anke’ Monsinjur Charles Scicluna bagħat ittra ta’ kondoljanzi u solidarjeta’ lill-missjunarji Maltin, filwaqt li appella lill-Maltin biex iżommuhom fi ħsibijiethom.