Nagħtu rigal lill-poplu Malti billi nivvutaw LE u nirbħu dar-referendum
F’laqgħa tal-aħħar għall-voluntiera tal-Kampanja SHout, il-kelliema għax-SHout, Mark Sultana, Moira Delia u Saviour Balzan, tennew il-messaġġ tagħhom, li l-poplu għandu jivvota ‘LE’ għal bidla pożittiva. Saħqu li din il-kampanja pożittiva twassal għal bidla, u jfakkru li l-kampanja tispiċċa biss mat-tfigħ tal-aħħar vot nhar is-Sibt 11 ta’ April fl-10 ta’ filgħaxija.
Mark Sultana qal li din kienet kampanja pożittiva u kienet prova li l-publiku Malti u Għawdxi huwa persważ mill-argumenti tal-kampanja ‘SHout’. “Illum il-ġurnata kulħadd jaf x’toffri l-kampanja Maltija u kulħadd jaf ukoll x’joffru l-kaċċaturi,” saħaq Mark Sultana.
Hu qal li hu pożittiv meta wieħed jgħid li rridu nħarsu l-kampanja, li rridu nsalvaw l-għasafar li jbejtu f’pajjiżna, li nipproteġu l-għasafar li jpassu minn Malta biex imorru jbejtu, li Malta tkun post aħjar mingħajr qtil ta’ għasafar u li Malta tkun post aħjar mingħajr l-arroganza ta’ min isabbat saqajh u jinsisti li jżomm l-arloġġ wieqaf.
Moria Delia min-naħa tagħha qalet li l-għasafar m’għandhomx jinqatlu għall-gost, speċjalment għasafar li sejrin ibejtu. Qalet li l-kampanja SHout ma tiġġustifikax il-ħażin li nagħmlu bl-iskuża tat-tradizzjoni filwaqt li tenniet li mhux veru li jridu jeqirdu xi passatempi oħrajn.
“Il-biċċa l-kbira tal-Maltin u Għawdxin ma jridux jgħixu f’pajjiż li dejjem assoċjat mal-qtil tal-għasafar. Aħna mhux ħa nieħdu ebda gwadann personali minn dil-kampanja. M’aħniex importaturi tas-snieter u tal-iskrataċ. Lanqas m’aħna ħa ndaħħlu xi kemxa flus jekk l-għasafar tal-passa jibqgħu ħajjin. Lanqas m’aħna nies fil-politka,” saħqet Moira Delia.
Min-naħa tiegħu, il-kelliem Saviour Balzan qal li l-bidla għandha ssir, filwaqt li fakkar li nies komuni, familji, ambjentalisti, Laburisti, Nazzjonalisti, nies mill-kamp tal-Ħodor, għaqdiet, ilkoll ingħaqdu flimkien biex din il-bidla sseħħ.
Qal li l-bidla diġa’ qed iseħħ għax 43,000 Malti u Għawdxi ffirmaw petizzjoni biex jissejjaħ referendum abrogattiv, referendum li huwa dritt demokratiku u li ssejjaħ biex jitwaqqaf l-hekk-imsejjaħ sport li hu bbażat fuq il-prinċipju li toqtol għall-gost. Dan filwaqt li saħaq li mhu veru xejn li SHout trid neqirdu passatempi u delizzji oħrajn.
//= $special ?>