Is-sit MaltaRightNow jista’ jiżvela aktar abbużi mill-aktar serji ta’ xogħlijiet fil-privat minn ħaddiema tal-Gvern li saru matul ix-xhur li għaddew.
Illum nistgħu niżvelaw kif żewġ persuni xtraw proprjetà fi Triq San Duminku fir-Rabat, Għawdex u wara għamlu talba għall-permess tal-MEPA biex f’din il-proprjetà privata jiżviluppaw żewġ veranda. Il-MEPA ipproċessat din it-talba u ħarġet il-permess biex f’din id-dar mixtrija minn żewġ persuni jkunu żviluppati dawn iż-żewġ veranda. Madankollu minflok ma sar hekk, kienu żviluppati żewġ garaxxijiet li fihom ikunu pparkjati l-karozzi! Dan mhux skont il-permessi maħruġa mill-MEPA.
Agħar minhekk, MaltaRightNow tista’ tiżvela wkoll kif f’ammont ta’ xogħlijiet li saru fuq dan is-sit – li biex setgħu jkunu żviluppati l-garaxxijiet kellha titwaqqa’ l-faċċata tal-binja – kienu involuti wkoll ħaddiema tal-Gvern f’Għawdex!
Nistgħu nkomplu niżvelaw ukoll kif biex is-sidien ta’ din il-proprjetà jkunu akkomodati mill-koxxa nqalgħet parti mill-bankina ta’ Triq San Duminku u minflok saret rampa!
Fil-post ta’ spiss kien jidher ukoll Philip Vella li hu s-Sindku tas-Sannat u Uffiċjal fil-Ministeru għal Għawdex.
Bla dubju dan il-każ frisk ieħor ta’ abbuż f’Għawdex fejn ħaddiema tal-Gvern intbagħtu jaħdmu fi proprjetajiet privati jkompli jkabbar il-lista ta’ abbużi sfaċċati f’Għawdex fl-aħħar sentejn.
Dan is-sit fil-jiem li għaddew diġà żvela għadd ta’ abbużi oħra, fosthom :
– Marsalforn: Xogħlijiet b’rabta ma’ ristorant.
– F’Tas-Sanap fil-Munxar: Xogħlijiet b’rabta’ ma’ trinka għal servizzi lil razzett tal-baqar.
– F’Ta’ Kerċem: Xogħlijiet fi proprjetà privata fi Triq il-Ħorġ.
– Fix-Xagħra: Xogħlijiet ta’ tikħil f’dar privata.
– F’Wied il-Għexien fix-Xagħra: Xogħlijiet ta’ passaġġi fir-raba’.
– Bejn Ta’ Dbiegi u San Lawrenz: Xogħlijiet fuq numru ta’ garaxxijiet privati.
– Fl-Għasri: Xogħlijiet f’għelieqi privati.