Lokali

Sospiżi d-direttivi fil-bank HSBC

L-MUBE ssospendiet d-direttivi tagħha lill-ħaddiema tal-HSBC.

Fi stqarrija, l-union ikkonfermat l-aħbar ta’ dan l-istazzjon li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru intervjena biex jinstab żblokk għat-tilwima industrijali bejn l-MUBE u l-bank HSBC.

Wara l-medjazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, intlaħaq qbil biex in-negozjati jitkomplew b’mod immedjat mill-Ħamis filgħodu. Il-Bank HSBC għandu jippreżenta proposti konkreti u l-Kap Eżekuttiv għandu jattendi għal-laqgħat tad-diskussjonijiet.

Fl-istqarrija, l-MUBE irringrazzjat lis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar għall-intervent medjatiku tiegħu. L-MUBE se tkun qed tinforma lill-ħaddiema tal-Bank bl-aħħar żviluppi u ma eskluditx li jista’ jkun hemm iktar direttivi jekk il-Bank ma jagħmilx proposti konkreti.