L-istazzjon Franċiż TV5Monde ħabbar li kien spiċċa vittma ta’ attakk minn hackers li qalu li kienu tal-ISIS. L-attakk wassal biex l-istazzjon Franċiż, li jxandar madwar id-dinja, twaqqaf milli jxandar.
Dan minbarra li fl-istess ħin il-hackers bdew jikkontrollaw is-siti elettroniċi kollha tal-istazzjon, kif ukoll il-kontijiet fuq siti soċjali bħal Facebook u Twitter.
Yves Bigot, id-direttur ta’ TV5Monde, qal li jidher li l-istazzjon spiċċa fil-mira għaliex ixandar madwar id-dinja.
Fuq il-paġna tal-istazzjon fuq Facebook, il-hackers poġġew dettalji personali ta’ qraba ta’ suldati Franċiżi impenjati f’ħidma kontra l-ISIS flimkien ma’ messaġġi ta’ theddid. Bigot qal li fil-messaġġi ta’ theddid ma kien hemm xejn kontra l-istazzjon imma kontra l-politika Franċiża fil-Lvant Nofsani. Intqal li kien għalhekk li Franza “ngħatat ir-rigali ta’ Charlie Hebdo u Hyper Cacher”.
L-istazzjon reġa’ beda jxandar wara madwar tliet sigħat imma Bigot qal li fl-attakk li sar kienet saret ħsara kbira lis-sistemi tal-sitazzjon. Sal-bieraħ, l-istazzjon kien għad kellu problemi biex jipproduċi l-aħbarijiet. Bigot qal li aktarx iridu jgħaddu l-ġranet qabel ix-xandir tal-istazzjon jirritorna għan-normal.
Stazzjon ewlieni Franċiż fil-mira tal-ISIS
