Il-kampanja ‘Iva, bħala Maltin u Ewropej’ kellha l-aħħar Konferenza tal-Aħbarijiet qabel it-tmiem tal-kampanja għar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa. Konferenza tal-Aħbarijiet li fiha tkellmu Sylvana Zarb Darmanin u Kathleen Grima, li tennew il-messaġġ tal-kampanja ‘Iva, bħala Maltin u Ewropej’, li l-vot ‘Iva’ hu messaġġ favur it-tolleranza u messaġġ pożittiv ta’ poplu magħqud.
Min-naħa tagħha, Sylvana Zarb Darmanin qalet li sa’ mill-bidu tal-kampanja, il-moviment ‘Iva’ wassal messaġġ li fil-kampanja Maltija għandu jkun hemm koeżistenza, u li ħadd ma jispiċċa jeqred naħa jew oħra. Qalet li l-kampanja saħqet ukoll li anke’ jekk wieħed mhux neċessarjament togħġbu xi prattika jew oħra, għandu jkun hemm it-tolleranza li din tiġi prattikata sakemm hija waħda legali.
Min-naħa tagħha, il-kelliem tal-kampanja ‘Iva’, Kathleen Grima qalet li dan ir-referendum jista’ joħloq preċedent għal delizzji oħra u qalet li s-sajjieda u d-dilettanti tan-nar ħeġġew għall-vot ‘Iva’. B’riferenza għall-petizzjoni li saret biex qed isir ir-referendum, Grima qalet li ftit għexieren ta’ eluf ta’ firem kontra xi ħaġa, wieħed kapaċi jsibhom filwaqt li saħqet li ma tixtieqx li jkun hemma abbuż minn għodod demokratiċi li jgawdi minnhom pajjiżna.
Saħqet li l-poplu Malti għandu jivvota ‘Iva’, favur il-prinċipju tar-rispett u t-tolleranza. Temmet tgħid li dan għandu jgħaqqad lill-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>