Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

Aktar minn 53,000 Dokument tal-Vot jibqgħu mhux miġbura għall-elezzjonijiet ta’ għada

Nofsillejl li għadda wkoll, kien l-aħħar ħin biex wieħed jiġbor id-Dokumenti tal-Vot tiegħu. B’kollox, baqgħu ma nġabrux 53,429 Dokument tal-Vot – 20,937 (6.2%) Dokument għar-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa u 32,492 (16.4%) għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Fil-każ tar-Referendum, l-aktar distrett li minnu ma nġabrux Dokumenti tal-Vot kien it-12-il Distrett b’aktar minn 3,400 Dokument.

Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, l-aktar li ma nġabrux Dokumenti tal-Vot kien f’San Pawl il-Baħar (9,881), San Ġiljan (4,944), is-Swieqi (3,144) u l-Gżira (2,586). Meta mqabbel mal-elezzjonijiet lokali li saru fl-istess lokalitajiet fl-2012, din is-sena ma nġabrux 0.5% tad-Dokumenti tal-Vot aktar minn tliet snin ilu.

Sadanittant, hekk kif ilbieraħ kien hemm il-votazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar Karin Grech, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar Monte Carmeli, ċifri mhux uffiċjali li għandu MaltaRightNow.com juru li vvutaw madwar 60% minn dawk eliġibbli.

Iċ-ċifri mhux uffiċjali li għandna f’idejna juru kif, fl-Isptarijiet, għar-Referendum dwar il-Kaċċa fir-Rebbiegħa vvutaw b’kollox 58.8%, filwaqt li għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali vvutaw 59.5%.