Il-pulizija Ġermaniżi qed jinvestigaw jekk mara ppruvatx tqarraq meta ppreżentat ruħha bħala qariba ta’ vittma tat-tiġrif tal-ajruplan tal-linja tal-ajru Germanwings, li seħħ fl-24 ta’ Marzu qalb l-Alpi Franċiżi. Intant, il-pulizija jaħsbu li l-ħsieb veru ta’ din il-mara kien li hi takkwista titjiriet b’xejn lejn in-Nofsinhar ta’ Franza.
Il-kumpanija tal-ajru Lufthansa, li hi l-proprjetarja tal-Germanwings, organizzat titjiriet speċjali għall-qraba tal-vittmi wara l-imsemmija traġedja tal-ajru li swiet il-ħajja tal-150 persuna abbord.
Il-gazzetta Halterner Zeitung, ibbażata fil-belt Ġermaniża ta’ Haltern, irrappurtat li mara qabdet żewġ titjiriet lejn ir-reġjun fin-Nofsinhar ta’ Franza a spejjeż tal-Lufthansa wara li hi ressqet talba fuq bażi falza meta qalet li kienet il-kuġina ta’ waħda mill-vittmi.
16-il student tal-iskola u żewġ għalliema li mietu fit-tiġrif tal-Germanwings ġejjin minn Haltern u hu mifhum li l-mara inkwistjoni ppruvat tippreżenta ruħha bħala l-kuġina ta’ waħda mill-għalliema. Intant, kelliema għall-pulizija qalu li l-qawwiet tal-liġi qed jinvestigaw il-possibbiltà ta’ frodi u li din il-mara trid tgħaddi minn interrogazzjoni.
Kelliema għal-Lufthansa sostnew li huma wkoll qed jindagaw dwar dan il-każ ta’ qerq iżolat li jqanqal dispjaċir, iżda ma pprovdewx aktar dettalji.
Approfittat mit-traġedja tal-Germanwings
