Ħafna negozji żgħar u medji jiffaċċjaw wisq ostakli fl-attività tagħhom minħabba li joperaw f’suq wieħed. Fost l-ostakli li jiffaċċjaw hemm dawk marbuta ma’ Liġijiet marbuta man-Negozju u hu għalhekk jistgħu jaqtgħu qalbhom biex jespandu n-negozju tagħhom barra minn xtutna.
Huma biss 2% tan-negozji żgħar u medji Maltin u Għawdxin li jirnexxielhom jinvestu u jistabilixxu lilhom infushom f’pajjiżi oħrajn. Għal din ir-raġuni, għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qed tkun proposta Direttiva dwar is-Single Member Private Limited Liability Companies.
Id-Direttiva għandha l-iskop li tindirizza l-ostakli li jiffaċċjaw l-SMEs biex jaħdmu fil-pajjjiżi tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tistabilixxi anke l-kriterji meħtieġa biex ikunu stabbiliti kumpaniji ġodda.
Id-Direttiva proposta kienet diskussa waqt laqgħa li l-Malta Business Bureau organizzat f’Dar l-Ewropa, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi stakeholders u anke tal-Membri Parlamentari Ewropej Therese Comodini Cachia u Marlene Mizzi.
L-iskopijiet prinċipali tad-Direttiva hu li jonqsu l-ispejjeż għall-kumpaniji u biex is-settur tan-negozju fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jimxi aktar ‘il quddiem.
//= $special ?>