Internazzjonali

#HelloBaku… għodda ta’ protesta kontra l-abbużi fl-Ażerbajġan

Attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem qed japprofittaw mill-hashtag #HelloBaku biex jattiraw l-attenzjoni għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-kelma fl-Ażerbajġan.
L-organizzaturi tal-Logħob Ewropew f’Baku dan is-sajf ħolqu kompetizzjoni f’Marzu bħala reklam għal-logħob li jibda fit-12 ta’ Ġunju. In-nies kienu mħeġġa jibagħtu ritratt jew filmat tagħhom bil-kitba #HelloBaku bir-rebbieħ imbagħad jingħata żewġ biljetti u kollox imħallas għall-ftuħ tal-logħob.
Imma attivisti bdew jużaw #HelloBaku biex ipoġġu ritratti tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbjġan. Skont l-aħħar kalkoli hemm aktar minn 100 priġunier politiku fil-pajjiż u mis-sajf li għadda bdiet kampanja mill-Gvern kontra dawk li jikkritikaw it-tmexxija tal-pajjiż. Xi wħud minn dawn spiċċaw il-ħabs minħabba akkużi li osservaturi qalu kienu ivvintati mill-Gvern ta’ Baku biex ineħħihom min-nofs u jagħlqilhom ħalqhom.
Il-Gvern tal-Ażbajġan immexxi mill-President Ilham Aliyvev qed imexxi kampanja internazzjonali kbira biex jagħti dehra differenti tal-pajjiż, dehra ta’ pajjiż modern u miftuħ.

Agħfas il-link għad-dokument ta’ Amnesty International dwar l-Ażerbajġan