Lokali

Id-Deputat Ġeorge Pullicino f’kumitat tekniku dwar proġetti tad-djoċesi f’Matera l-Italja

Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino intalab biex ikun membru f’kumitat tekniku imwaqqaf bil-għan li jsegwi l-preparazzjonijiet ta’ proġetti relatati mad-djoċesi marbuta mat-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura 2019 lill-belt antika ta’ Matera li tinsab f’Basilicata fin-nofsinhar tal-Italja.

Fl-istess kumitat se jkun hemm ukoll il-Professur Paolo Rocchi li huwa perit ta’ fama internazzjonali fil-qasam tar-restawr. Rocchi kien ta pariri fuq xogħlijiet ta’ restawr fil-Vatikan u kien ukoll responsabbli mir-restawr tal-Bażilika ta’ San Franġisk f’Assisi wara t-terremot li heżżeż lil din il-belt lura fl-1997.

Dan mhux l-ewwel proġett ta’ kollaborazzjoni bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u dik ta’ Matera. Ftit jiem ilu delegazzjoni minn Matera kienet preżenti f’Malta biex tosserva l-proċess ta’ diġitilizzazzjoni tal-arkivji tal-Kurja wara li l-Arċidjoċesi Maltija għenet lid-djoċesi ta’ Matera fi proġett simili.