Internazzjonali

Il-PLO twarrab l-idea ta’ konfront mal-ISIS

It-Tmexxija Palestinjana warbet l-idea li tissieħeb fil-konflitt li għaddej bħalissa fil-kamp ta’ Yarmouk fis-Sirja. B’din id-deċiżjoni, il-Palestinjani jidhru li mhumiex se jinvolvu ruħhom f’kampanja militari konġunta intiża biex tkeċċi lill-ġiħadisti tal-ISIS minn Yarmouk.
Dan sar magħruf permezz tal-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (PLO) li ħarġet stqarrija mill-kwartieri ġenerali tagħha fil-belt ta’ Ramallah.
L-aħbar ingħatat ftit wara li Ahmed Majdalani, uffiċjal ewlieni tal-PLO li mar għal taħditiet f’Damasku (fis-Sirja), qal li 14-il grupp Palestinjan kienu appoġġjaw l-idea ta’ kampanja militari konġunta, flimkien mal-Armata Sirjana, bl-impenn li jkeċċu lill-ISIS mill-kamp ta’ Yarmouk fejn inqabdu ’l fuq minn 15,000 persuna, fil-parti l-kbira refuġjati Palestinjani.
Iżda l-PLO, issa, għamlitha ċara li ma bidlitx il-pożizzjoni tradizzjonali tagħha fejn ma tinvolvix ruħha f’dawn it-tipi ta’ konflitti.
L-istqarrija qalet li l-Awtorità Palestinjana m’għandha l-ebda ħsieb li tkaxkar lin-nies tagħha fil-konflitt li għaddej bħalissa fis-Sirja….Dan filwaqt li tirrifjuta, b’mod kategoriku, li tinvolvi ruħha fil-battalji li qed jiżvolġu fl-inħawi ta’ Yarmouk.