Internazzjonali Saħħa

Il-WHO…L-Ebola tibqa’ emerġenza globali

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-epidemija tal-Ebola li ilha sena fil-Punent tal-Afrika għadha ‘tikkwalifika’ bħala emerġenza internazzjonali avolja naqsu l-ammont ta’ infezzjonijiet.
F’Awwissu li għadda, l-aġenzija tas-saħħa tan-NU kienet iddikjarat l-epidemija bħala emerġenza globali wara li mietu biha kważi 1,000 persuna – fil-parti l-kbira fil-Guinea, Sierra Leone u l-Liberja.
Fl-agħar żminijiet tal-epidemija (matul is-sena l-oħra) kienu qed joħorġu r-rapporti dwar mijiet ta’ każi ġodda fil-ġimgħa. Intant, u skont l-aħħar aġġornament, il-WHO irrappurtat li, proprju l-ġimgħa l-oħra, kien hemm mat-30 każ ikkonfermat tal-Ebola fil-Guinea u l-inħawi ta’ Sierra Leone. Fl-istess ħin, l-aħħar persuna li mardet bil-virus fil-Liberja mietet bl-effetti tiegħu fis-27 ta’ Marzu.
Madankollu, it-tabib Bruce Aylward, li qed imexxi l-Ebola Response tal-WHO, qal li t-tnaqqis fil-każi tal-virus jidher reali, hekk kif sal-lum l-Ebola infettat iktar minn 25,500 persuna (li minnhom mietu 10,587). Il-maġġoranza ta’ dawn il-każi seħħew fl-artijiet Afrikani tal-Punent.